Lokali

Silvio Schembri ma jweġibx meta mistoqsi jekk hemmx aktar impjiegi foloz

Il-Ministru Silvio Schembri jibqa’ jfarfar. U għal ħames minuti sħaħ, baqa’ jirrepeti l-istess kantaliena meta affaċjat bid-domandi ta’ Net News dwar il-konsulenza frawdolenti u irregolari li ingħatat Rosianne Cutajar mal-ITS – job fittizju, l-istess bħal ma kien dak ta’ Melvin Theuma.

Il-Ħamis filgħodu, dan l-istazzjon saqsa lil Schembri jekk hemmx aktar każijiet ta’ jobs fittizji bħal dawn. Iżda meta pressat bid-domandi, qalilna biss li hu “mhux se joqgħod jilgħab”.

Quddiem il-cameras tagħna, Silvio Schembri baqa’ jipprova jaħrab mid-domandi dwar Rosianne Cutajar u dwar is-suppost job li ingħatat mal-ITS. Dan filwaqt li baqa’ jinħeba wara l-kummenti li ta l-Prim Ministru l-ġurnata ta’ qabel.

Pressat b’aktar domandi minn Net News, Silvio Schembri ħareġ għonqu għall-Kap Eżekuttiv tal-ITS, illi ta din il-konsulenza lil Rosianne Cutajar – konsulenza li ingħatat fl-istess perijodu meta hi ftaħret li se tkun qed “titħanżer” bħal sħabha.

Fl-aħħar ġimgħat, anke il-Kummissarju tal-Istandards, Joseph Azzopardi, sab li Rosianne Cutajar kienet impjegata bħala konsulent fl-ITS matul l-2019 meta kienet Deputat tal-Parlament. U hi, ma ddikjaratx din il-konsulenza meta fl-2020 daħħlet id-dikjarazzjoni tal-assi. Dan bi ksur tal-kodiċi tal-etika.