Żagħżugħ ta’ 23 sena ġie kundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati li uża vjolenza billi sawwat b’ponn tal-ħadid zewg ufficjali ta’ stabbiliment f’Paceville. Wieħed mill-vittmi spiċċa b’diżabilità permanenti f’aggressjoni li seħħet il-Ġimgħa, 6 ta’ Dicembru 2019.
Wieħed mill-vittmi qal fil-Qorti li dak inhar kien xogħol bħala supervisor fl-istabbiliment ‘Bacco Bar’, ġewwa Paceville. Ghall-habta tat-8.30pm. fil-bar kien hemm il-ħati Twaine Sciberras u ċertu “Temi”, li jiġi z-ziju tiegħu.
Dan Temi beda jsabbat mal-bar u x-xhud (il-vittma) mar fuqu biex jara x’ġara, fejn Temi kien pront wieġeb li l-‘barman’ ma kienx qed jaqdih għax ma jifhimx bil-Malti. Minkejja li kellmu bil-kelma t-tajba, Temi baqa jgħajjat, jidghi u jaġixxi b’mod aggressiv.
F’daqqa u l-ħin mar Twain Sciberras li jiġi n-neputi ta’ Temi u flok ikkalmaw l-affarijiet, l-imputat beda jidgħi, u jiftaħar li għamilha mal-agħar nies u heddew lix-xhud li “jqattgħuh” jekk ifettilu jgħajjat lill-uffiċjali tas-sigurtà.
Minħabba li kien hemm xi klijenti oħrajn fil-bar, ix-xhud stieden lil Sciberras u lil zijuh biex jitkellmu fit-toilets. Hemmhekk kompla t-theddid sa ma fl-aħħar ix-xhud qalilhom li ma jridx ikellimhom aktar u dar biex joħroġ ‘il barra imma l-imputat beda jimblukkalu triqtu u jgħidlu “mela qed tibża’?”.
L-affarijiet iggravaw meta Temi qabad lix-xhud minn żaqqu u hekk kif ix-xhud prova jirreżistih u jressqu minn nofs, Twain Sciberras ħareġ bħal qisha ħadida u beda jfajjar biha bl-addoċċ bil-konsegwenza li laqtu u qasamlu xoftu u għamillu grieħi f’partijiet oħra ta’ wiċċu u rasu.
Temi imbagħad sabbtu għal mal-art u l-imputat tah daqtejn ta’ sieq. Xi ħadd minnhom imbagħad ħadlu r-radio u sabbtu mal-art, u dan biex ma jkunx jista’ jsejjaħ għall-assitenza.
Sarlu MRI f’rasu u 18-il punt f’xofftu
Il-vittma kkonferma li fid-daħla tat-toilets kien hemm camera li ġibdet l-inċident, kopja tal-filmat ġiet mgħoddija lill-Pulizija. Konsegwenza ta’ dan l-attakk iddaħħal l-Isptar u sarlu MRI ta’ rasu. Spjega li l-ġriehi f’xofftu kienu jirrikjeda 18-il punt minn barra u minn gewwa. Sofra ġerha wkoll taħt għajnejh.
Jgħid li b’kollox, qala’ madwar disgħa daqqiet f’wiċċu u rasu bil-ħadida. Il-ġrieħi kienu jikkonsistu f’diversi gundalli, tbenġil, qsim, dmija u punti li kellhom isiirulu. Il-vittma għamel referenza wkoll għal filmati meħuda mill-filmat tas-CCTV, fejn il-persuna li jidher bil-qalziet abjad huwa Temi Attard, iz-ziju tal-imputat. Stqarr li wara l-inċident baqa’ jbati b’uġigħ ta’ ras frekwenti.
Ix-xhud esebixxa fil-Qorti ‘Patients Certification Form’ li sar dakinhar tas-6 ta’ Dicembru 2019 mit-tabib Josef Mifsud. Skont dan iċ-ċertifikat il-grieħi huma ta’ natura gravi. Esebixxa wkoll ċertifikat ieħor maħruġ mit-tabiba Josianne Cutajar nhar it-2 ta’ Jannar 2020 fejn hemm indikat li l-pazjent għadu jbati minn uġieħ f’irkoptu minħabba dan il-incident.
Hu spjega li kien ilu jaħdem fl-istabbiliment għal sebgħa snin u saħaq li għax-xogħol ta’ supervisor li jagħmel hu ma hemmx bżonn li wieħed ikun liċenzjat u x-xogħol jinkludi li jara li ma jkunx qed isir serq mill-bar minn impjegati oħrajn.
Ipprova jevita l-inkwiet
Ikkonferma li kien ghamel madwar ħames minuti jkellem lil Temi Attard ħdejn il-bar sakemm ħareġ l-imputat mit-toilets u kien qed jipprova jikkonvinċi lill-Attard biex iġib ruħu sew u “joħorġu bil-kwiet” Mistoqsi għalfejn ma involviex lis-security officers, spjega li meta l-klijenti jkunu Maltin jipprova jevita li l-affarijiet jikbru u jinqala’ l-inkwiet.
Eskluda li kien offenda jew hedded lill-imputat jew lil zijuh u dan għax fl-edba punt ma kien qed jibża’ minnhom għax ma kienx jaf sa fejn jaslu. Qal li kieku kien jaf kien jinvolvi lis-security officers mill-ewwel. Xehed ukoll l-vittma l-ieħor li qal li huwa jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà fuq bażi part-time mal-Eden Cinemas.
Spjega li fis-6 ta’ Diċembru 2019 kien xogħol bejn is-6pm u 2:30am u kien standby minħabba li kien hemm parti miċ-cinema fejn kienu qed isiru x-xogħlijiet u għalhekk kienet magħluqa bil-plywood. Għall-ħabta tad-9.30pm jew l-10pm sema’ ħafna ħsejjes u wara ftit intebaħ li kien hemm tnejn minn nies qed jiġġieldu. Imbagħad qabeż l-imputat u qallu “għalfejn qed tħares lejja?”.
F’daqqa waħda, l-imputat ixxuttja dustbin li kien hemm viċin għal nofs it-triq. Ix-xhud qallu “qed tara kemm int bravu!” u ma dan il-kliem, l-imputat u l-persuna l-oħra aggredewh. L-imputat laqtu f’għajnejh ix-xellugija u ta’ dawn il-grieħi ix-xhud ippreżenta ritratti lli juru tbenġil u infieh madwar l-għajnejh. Il-persuna l-oħra tah daqqa ta’ sieq imma laqagħha.
Jaħarbu minn fuq il-post
L-aggessuri ħarbu jiġru minn fuq il-post u x-xhud induna li kellu d-demm ħiereġ mill-ferita tant li kellu jibda jimsħu b’maktur. Wara ttieħed l-Isptar fejn sarulu bejn tlieta u erbgħa punti. Spjega li llum jinsab kważi rikovert kompletament.
Spjega li lill-imputat ma kienx jafu minn qabel ma ġara dan l-inċident u li kien hemm żewġ kollegi tiegħu li raw lill-aggressuri jiġru għal ġewwa parkeġġ tal-karozzi li hemm viċin li huwa ukoll gestit minn Eden Cinemas.
Hemmhekk kissru barrier u dehru qed jiġdbu xi sustanza bl-imnieħer, probabbilment kokaina. Xehed ukoll it-Tabib Dr Mario Scerri, espert maħtur mill-Qorti sabiex jeżamina mill-ġdid il-feriti sofferit mill-vittmi u jirrelata dwar il-permanenza jew l-offiżi subiti mill-vittmi u l-percentaġġ tad-diżabilità.
Illi mir-rapport esebit minnu ikkonferma li kien eżamina wieħed mill-vittma u kkostata li kellu daqqiet fuq ix-xoffa ta’ fuq il-ħalq li ġiet ikkawżata minn laċerazzjoni wara daqqa ta’ portata kbira u li kkaġunat telf ta’ kontroll tax-xoffa. Sab ukoll problemi fuq l-orbiti tal-għajn xellugija li ukoll kienet laċerazzjoni kkawzata minn daqqa kbira.
Spiċċa ma jarax sew
Iz-żewġ difetti jidhru from ‘a walking distance’ u jġibu grad ta’ diżabilità permanenti ta’ 5%. Eżamina ukoll vittma ieħor u sab li dan ma kienx qed jara sew u kellu frattura tal-orbiti xellugija wkoll riżultat ta’ daqqa eżorbitanti. Dawn ġew klassifikati bhala gravi iżda ma ħallewx effetti permanenti.
Ingħad li l-istqarrija tal-imputat ittieħdet mill-Ispettur Leeroy Balzan Engerer fl-Għassa ta’ San Ġiljan fil-11 ta’ Dicembru 2019 fil-preżenza tal-kuntistabbli Leandro Muscat wara li għażel li jikkonsulta mal-Avukat Amadeus Cachia u ingħata s-soliti twissijiet.
Ikkonferma li fis-6 ta’ Dicembru 2019 kien fl-istabbiliment Bacco fil-kumpanija ta’ zijuh Temi Attard. Ikkonferma ukoll li kienet inqalgħet kwistjoni ma ‘bouncer’ f’dan il-lok u li l-bouncer sfida lil Temi Attard għall-ġlied ħdejn it-toilets u f’punt minnhom anke` hu kellu “jiddefendi lilu nnifsu”.
Innega li uża xi forma ta’ arma ossija ponn tal-ħadid waqt il-ġlieda iżda meta kkonfrontat speċifikat b’dak li jidher f’filmat CCTV miġbur mil-lok, għażel li jibqa’ sieket u ma weġibx. L-imputat ikkonferma wkoll li aktar tard għadda minn ħdejn ic-cinema għaliex kien sejjer lura għal-karozza. Ikkonferma li dakinhar kien juża l-karozza ta’ ommu.
Il-ħalq baqa’ deformat
Illi mill-provi li tressqu l-Qorti qalet li jirriżulta li l-prosekuzzjoni naqqset milli tressaq it-tobba kollha involuti li ċċertifikaw u intervistaw lil wieħed mill-vittmi. Filwaqt li ma tressqu ebda ċertifikati mediċi jew tobba in sostenn tal-ġrieħi kontra wieħed mill-vittmi.
Madankollu skont it-tabib Mario Scerri fil-każ tal-vittma l-ieħor irriżulta li l-ġrieħi permanenti mertu ta’ l-incident huma fil-wiċċ u x-xoffa ta’ fuq tal-ħalq li baqgħet deformata b’riżultat ta’ dan l-inċident tant li dawn il-leżjonijiet iġorru magħhom massimu ta’ diżabilità permanenti ta’ 5%.
Fir-rigward tal-vittma l-ieħor gie ħareġ li l-fratturi li sofra kienu kompatibbli ma daqqiet vjolenti u huma ta’ natura gravi per durata filwaqt li m’hemmx debbulizza permanenti. Il-Qorti rat il-filmati tas-CCTV kemm il-darba u fil-filmat jidher b’mod u mil-vi1in id-dinamika ta’ l-inċident ta’ wieħed mill-vitma.
Ma jistax ma jingħadx kemm hu xokanti l-imġieba ta’ l-imputat li bla ebda rażan u provokazzjoni diretta ta diversi daqqiet b’saħħithom u bl-għaġġla fid-direzzjoni ta’ wiċċ u ras b’użu ta’ arma tal-ponn li tidher biċ-ċar fil-filmat. Illi wara li pab ilvittma ma l-art xorta baqa’ jattakah u jagħtih bis-sieq u jżommu minn rasu.
Il-Maġistrat Nadine Lia qalet li ma tistax ma tiddeplorax dan l-attakk kontra persuna li wara kollox kien qed jaghmel xogholu u bl-ebda mod ma jista jigi ggustifikat din l-imgieba. Il-Qorti ħadet ukoll in konsiderazzjoni ix-xhud tad-difiża – Temi, Themistocle Attard. Minn dak li xehed ix-xhud u dak li fattwalment jirriżulta mic-CCTV il-Qorti tqis li l-verżjoni ta’ dan ix-xhud ma segwiex.
Minn imkien ma jirriżulta li wieħed mill-vittmi għamel ghall-imputat fiżikament. Il-konfrontazzjoni fiżika ma bdietx mill-vittma iżda minn naħa tal-imputat u li baqa’ għaddej biha. Il-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni ppruvat il-każ tagħha bl-akkużat jinstab ħati tar-reati kollha mixli bihom, minbarra dik li sar reċidiv. L-Avukati Roberto Montalto u Joe Giglio deheru għan-nom tal-vittmi.
//= $special ?>