“Il-Gvern ta’ Robert Abela m’għandu l-ebda strateġija għall-qasam ġudizzjarju tant li hemm numru ta’ problemi fil-Qorti li laħħqu livell allarmanti. Biex issa, spiċċajna b’ġustizzja fi kriżi.”
Dan intqal mill-PN f’konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa filgħodu u li kienet indirzzata mid-Deputati Karol Aquilina, Claudette Buttigieg kif ukoll Carm Mifsud Bonnici.
Karol Aquilina tkellem b’mod specifiku dwar is-sitwazzjoni allarmanti li hemm preżentament fil-Qorti …. hekk kif statistika uffiċjali li ħarġet f’Ottubru li għadda uriet kif Maġistrat wieħed għandu 274 inkjesta pendenti quddiemu; dan apparti li hemm ukoll 2,895 kumpilazzjoni pendenti.
Aquilina wera tħassib għal fatt li hemm Maġistrat wieħed illi għandu ftit aktar minn 4,000 każ jew proċedura pendenti quddiemu …filwaqt illi hemm Maġistrat ieħor li għandu ftit aktar minn 2,200 każ ta’ vjolenza domestika – meta l-Maġistrat l-ieħor għandu biss 17.
Karol Aquilina qal illi fil-Qorti hemm nuqqas kbir ta’ ħaddiema kif ukoll pagi baxxi immens; iżda l-akbar problema hija li l-Ministru Jonathan Attard m’għandux rieda politika hekk kif qed ikompli jitfa’ l-problemi taħt it-tapit…bid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-pożizzjoni tiegħu, m’għadiex tenibbli.
Minn naħa tagħha d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li huwa inaċċettabli li f’każijiet relatati mal-vjolenza domestika n-nies qed jistennew s-snin sabiex jibdew jinstemgħu l-każijiet tagħhom. Hawnhekk, Claudette Buttigieg sostniet li dawn huma nies li għaddejjin minn tbatija kbira għaliex ħajjithom tinsab fil-periklu. U hawn, fakkret li fil-każ tal-qtil ta’ Bernice Cassar illi huwa turija ċara li l-istat falla.
Minn naħa tiegħu, id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici saħaq fuq l-importanza li pajjiżna jkollu strateġija ġudizzjarja sabiex il-Qorti tkun tista topera b’mod aktar effiċjenti.
Apparti minn hekk, huwa fakkar li fl-aħħar 10 snin l-kawżi żdiedu b’ammont sostanzjali u l-Gvern ta’ Robert Abela ma’ ħoloq l-ebda mekkaniżmu sabiex jinqatgħu aktar malajr. Iżda minflok għandna Qorti li mhux qed tlaħħaq mad-domanda, bir-riżultat li l-kawżi qed idumu ħafna biex jinstemgħu.
//= $special ?>