Il-każ ta’ Rosianne Cutajar u l-konsulenza li ħadet mill-ITS issa spiċċaw ġibdu l-kundanna anke’ tal-Kunsill Studenti Universitarji. Dan hekk kif il-pressjoni fuq il-Prim Ministru Robert Abela qed tkompli tikber; kif qed tikber ukoll il-pressjoni fuq il-Kummissarju Angelo Gafa’ li sa issa għadu ma għamel assulutament xejn dwar dan is-serq minn flus il-poplu.
Il-KSU fakkar kif l-Awditur Ġenerali ġibed l-attenzjoni għall-inkonsistenzi li kien hemm fil-mod li bih Cutajar ingħatat dan il-job; bħall-fatt li l-kuntratt li ġie ffirmat kien back-dated, l-inkapaċità tagħha għal dan l-irwol u n-nuqqas ta’ evidenza għax-xogħol li suppost għamlet.
Fi stqarrija, il-Kunsill Studenti Universitarji sostna li l-konverżazzjonijiet li kienu ġew illijkjati bejn Cutajar u Yorgen Fenech kienu taw bidu għal din l-investigazzjoni – chats illi juru biċ-ċar l-intenzjonijiet ta’ Rosianne Cutajar li tapprofitta mill-pożizzjoni tagħha.
Anke l-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech spicca taħt il-lenti talli naqas milli jispjega l-impjieg ta’ Cutajar lill-Bord tal-Istitut; għalkemm Robert Abela, issa, baqa’ jiddefendih.
Il-KSU sostna li l-ħlas ta’ Cutajar qabeż ukoll il-limiti stabbiliti, u dan iqanqal mistoqsijiet dwar il-proċedura dubjuża użata biex ġie ikkalkulat l-ħlas tagħha – iżda anke hawn, il-Prim Ministru qed jibqa’ jkaxkar saqajh u ma jaġixxix.
Fir-rapport, l-NAO jghid bl-aktar mod ċar illi filwaqt li jirrikonoxxi li ċertu xogħol jista’ ma jirriżultax f’dokumentazzjoni, it-tip ta’ xogħol mogħti lil Cutajar kellu jiġġenera evidenza ta’ ħidma, bħal korrispondenza skambjata, rapporti mfassla jew riveduti u informazzjoni dwar avvenimenti u laqgħat li wiegħed ikun involut fihom. Iżda fil-każ ta’ din il-konsulenza … in-nuqqas assolut ta’ evidenza ta’ ħidma jitfa’ dubju fuq x-xogħol li suppost sar.
//= $special ?>