Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Appelli għall-waqfien mill-ġlied, bil-Qatar qed ikompli bl-impenji diplomatiċi

Antonio Guterres

Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, esprima d-dispjaċir kbir tiegħu għall-fatt li l-ġlied qed ikompli fil-Medda ta’ Gaza.

Guterres, permezz ta’ messaġġ fuq il-media soċjali, kien qed jittama li Iżrael u l-Ħamas mill-ġdid jirritornaw għall-waqfien mill-ġlied li kien strumentali għall-movimenti tal-għajnuna umanitarja lin-nies ta’ Gaza.

Hu fl-istess ħin enfasizza li l-fażi ġdida ta’ konflitt fil-Lvant Nofsami qed turi proprju l-importanza ta’ ftehim konkret għall-waqfien mill-ġlied li jibbaża fuq ir-rispett għall-ħajja ta’ persuni innoċenti.

Intant, il-Gvern tal-Qatar ikkonferma li t-taħditiet bejn ir-rappreżentanti tal-Ħamas u Iżrael għadhom għaddejjin u li hu wkoll jinsab imnikket dwar l-aħħar żviluppi – fost referenza ‘għall-aggressjoni ta’ Iżrael fil-konfront ta’ Gaza.’

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fil-Qatar kompla li pajjiżu għadu impenjat lejn it-tkomplija tal-inizjattivi li wasslu għall-pawża fil-ġlied, effettiva għal diversi jiem, u li permettiet għat-trasport tal-ikel u affarijiet oħra bażiċi lill-poplu ta’ Gaza. Dan meta l-Qatar u s-sieħba internazzjonali għadhom anki issa qed iservu bħala medjaturi f’din il-kriżi.

Madankollu, l-istqarrija qalet ukoll li t-tmiem tal-waqfien mill-ġlied ikkumplika sew l-isforzi ta’ medjazzjoni minbarra li kompla jżid mal-‘katastrofi umanitarja’ fir-reġjun.