Internazzjonali

Il-Medda ta’ Gaza…Lura għall-gwerra wara pawża ta’ ġimgħa, bil-kriżi umanitarja tkompli

Il-gwerra bejn Iżrael u t-terroristi tal-Ħamas daħlet f’fażi ġdida wara l-ftehim temporanju għal waqfien mill-ġlied li dam validu għal ġimgħa. U waqt li rrankaw il-bumbardamenti miż-żewġ naħat tal-fruntiera ta’ Iżrael mal-Medda ta’ Gaza, il-Gvern Iżraeljan u t-Tmexxija tal-Ħamas qed jakkużaw lil xulxin dwar din l-ispinta ta’ vjolenza wara ġranet konsekuttivi ta’ kalma relattiva.

Fl-aħħar ġimgħa, il-ftehim ippermetta għall-ħelsien ta’ 100 minn fost l-ostaġġi li l-Ħamas kienu ħatfu minn Iżrael fis-7 ta’ Ottubru waqt l-inkursjonijiet qattiela storiċi fl-artijiet Iżraeljani. Sadanittant, Iżrael irreċiproka bil-ħelsien ta’ 240 Palestinjan miżmuma fil-ħabsijiet tiegħu.

Iżrael qed jgħid li minn dejjem għamilha ċara li l-pawża fil-ġlied kienet biss temporanja avolja kien qabel mal-kriterji tal-ftehim inkwistjoni li ntlaħaq bil-medjazzjoni tal-Qatar u l-Eġittu. Il-Gvern Iżraeljan, fl-istess ħin, enfasizza li ‘xejn ma nbidlet fl-istrateġija tal-gwerra oriġinali’ u meta l-qawwiet tiegħu se jkomplu jagħmlu l-almu biex jeqirdu t-theddida terroristika mill-grupp Ħamas f’Gaza.

Il-jum tal-Ġimgħa fetaħ bil-bumbardamenti ġodda fuq Gaza u li fihom, skont il-Ministeru tas-Saħħa immexxi mill-Ħamas, mietu l-għexieren ta’ residenti.

Dan ukoll waqt li l-Ħamas sparaw numru sinifikanti ta’ rokits fid-direzzjoni tal-ibliet u villaġġi f’Iżrael man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Din il-fażi ġdida tal-gwerra fil-Lvant Nofsani qed tidher li se tkun intensiva daqs tal-ġimgħat preċedenti fejn spikkat l-offensiva tat-truppi Iżraeljani fuq il-bejtiet tal-Ħamas f’Gaza – u partikularment il-moħbiet tat-terroristi fid-djar u qalb l-iskejjel u l-isptarijiet…Kumplessi li nbidlu f’bażijiet minfejn il-Ħamas qed jippjanaw u jorganizzaw l-attakki ġodda fuq l-Iżraeljani.