Nhar it-Tnejn l-4 ta’ Diċembru, se titnieda sistema ta’ bookings tat-titjiriet għal-linja nazzjonali l-ġdida ta’ Malta, tlett ijiem wara li kienet intenzjonata li titnieda, fl-1 ta’ Diċembru.
Id-data tat-tnedija l-ġdida tħabbret fi stqarrija minn KM Malta Airlines, il-kumpanija li se sservi bħala l-trasportatur nazzjonali ta’ Malta fl-1 ta’ April. Din il-kumpanija se topera titjiriet bħala Air Malta. It-trasportatur nazzjonali eżistenti se jtir l-aħħar titjira tiegħu fil-31 ta’ Marzu.
Meta tħabbret il-linja tal-ajru sostituta fil-bidu ta’ Ottubru, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal li titjiriet mal-linja tal-ajru l-ġdida se joħorġu għall-bejgħ fl-1 ta’ Diċembru, iżda l-persuni li ppruvaw jibbukkjaw titjiriet mal-linja tal-ajru minn April u lil hinn baqgħu diżappuntati hekk kif is-sistema l-ġdida tal-ibbukjar ma turi l-ebda titjiriet disponibbli lil hinn mill-aħħar ta’ Marzu.
Din fixklet il-pjanijiet tal-ivvjaġġar ta’ ħafna persuni, li kienu qed jaħsbu sabiex jivvjaġġaw għal vaġanzi tal-Għid.
Fi stqarrija maħruġa nhar il-Ġimgħa, KM Malta Airlines qalet li nediet l-iskeda tagħha tas-Sajf 2024 u se tkun miftuħa għall-bookings nhar it-Tnejn. Dan id-dewmien ma ġiex spjegat f’din l-istqarrija.
Il-linja tal-ajru qalet li beħsiebha ittir fi 17-il ajruport f’15-il belt, u topera 284 titjira fil-ġimgħa.
//= $special ?>