Lokali

“Kulħadd jitħanżer; tħossok diżilluż” – in-nies jesprimu l-frustrazzjoni tagħhom wara dak li kiteb Jason Micallef

“Kulħadd jitħanżer.” “Tħossok diżilluż.”

Dawn huma biss ftit mill-ħafna kummenti illi inkitbu taħt il-messaġġ li ġie ippubblikat fuq Facebook minn Jason Micallef; esponent ferventi tal-Partit Laburista illi anke hu jidher li qabżitlu sew bis-sitwazzjoni ta’ telqa u abbuż fil-pajjiż – tant illi stqarr li issa, “iż-żejjed kollu żejjed”.

Meta tkellem dwar dak li għaddej fil-Belt Valletta, hu qal li jħossu diżgustat bil-kbir bl-abbuż sfaċċat, bl-illegalitajiet li minflok jonqsu, jizdiedu, preċiżament fid-daħla ewlenija tal-kapitali.

Hu irrimarka li din is-sitwazzjoni ta’ telqa hi xi ħaġa li jista’ jinnutaha kulħadd – 50 metru biss boghod mill-Parlament Malti, fejn id-deputati “jiddilettaw joqgħodu jtellgħu is-selfies”.

Jason Micallef kien ċar ħafna fi kliemu: apparti l-kollass, u l-falliment spettakolari tal-infurzar mill-awtorijtajiet, u l-Gvern innifsu “possibbli ħadd mir-rapprezentanti tal-Gvern ma jiddizgusta ruħu jara xeni tal-misthija bhal dawn meta jkunu dehlin jew hergin mill-Parlament?” Dan b’referenza għat-tined, is-siġġijiet u t-tabelli li hemm fin-nofs, eżatt malli tirfes fil-kapitali.

Fil-kumment tiegħu, Jason Micallef mar oltre minn hekk. Hu spjega kif diġa’ għamel rapporti dwar dawn l-abbużi iżda ħadd ma ta kasu.

U stqarr illi issa, possibbilment, jaf jispiċċa ibbojkotjat – mingħajr ma speċifika kif, u minn fejn.

Jason Micallef insista li dan-nuqqas kbir mill-awtoritajiet tal-Gvern qed idarras lic-cittadini. U fil-fatt, kienu bosta dawk li irreaġixxew taħt il-post illi tella’. B’uħda ifakkruh: “inti qieghed fin naha tal-Gvern u ovja taf lil min ghandek tkellem. Aħseb u ara ċittadin kemm jindanna ferm aktar.”