Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ħareġ direttivi urġenti biex l-Armata tiegħu issaħħaħ il-linji ta’ difiża fuq il-fronti tal-gwerra. Dan fost stennija għal kampanja ġdida ta’ aggressjoni mill-qawwiet Russi u li għandha ddum ‘għax-xhur kollha tax-xitwa’.
Zelensky, fl-aħħar sigħat, iltaqa’ mal-kmandanti militari tiegħu fl-aktar zoni sensittivi lejn in-Nofsinar u l-Lvant tal-Ukrajna u fejn enfasizza l-ħtieġa għal ‘strutturi ġodda’ fis-setturi li jeħtieġu l-preżenza tar-reinforzi.
Il-Gwerra tax-Xitwa fl-Ukrajna qabdet spinta ġdida, bl-Armata Russa qed tipprova tiċċirkonda l-belt ta’ Avdiivka, fil-Lvant tal-Ukrajna, u li ilha x-xhur taħt offensiva kontinwa. Din il-belt għandha importanza strateġika kbira u l-Ukreni huma determinati li jiddefenduha ‘sal-aħħar suldat’ jekk ikun hemm bżonn.
Fl-istess ħin, il-militar tal-Kremlin qed jipprova jaħtaf kontroll mill-ġdid fir-reġjun ta’ Kherson, kif ukoll fl-inħawi ta’ Zaporizhzhia, lejn in-Nofsinar tal-Ukrajna.
It-temperaturi fl-Ukrajna, fil-preżent, jinsabu taħt iz-zero u bil-pajjiż jispiċċa kopert b’mantell tal-borra, Dan fost it-twissijiet tal-President Zelensky li l-istaġun tax-xitwa qed iġib miegħu fażijiet u dimensjonijiet ġodda tal-gwerra li ilha mindu l-qawwiet Russi invadew pajjiżu fi Frar tal-2022.
Għaldaqstant, it-Tmexxija Ukrena – fost it-tħejjijiet għal difiża aktar effettiva – qed tagħti ‘attenzjoni massima’ lill-ibliet taħt assedju fir-reġjun ta’ Donetsk, flimkien ma’ zona partikulari (għalissa difiża mis-suldati ta’ Zelensky) li ġġebbed minn Kupyansk sa Lyman, fil-Lvant tal-Ukrajna.
Fl-istess ħin, il-President Zelensky u l-Ġenerali tiegħu qegħdin jaħsbu fit-tisħiħ tad-difiżi anki madwar il-kapitali Kiev li ‘il quddiem kapaċi tinbidel ukoll fi front tal-gwerra fuq l-art u wara li l-kontro-offensiva tas-sajf mill-qawwiet Ukreni ma ħallietx ir-riżultati mixtieqa.
//= $special ?>