Dan l-aħħar ġie rrappurtat fl-istampa li l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) għandha oġġezzjonijiet qawwija kontra li l-ħaddiema jitħallew jużaw is-sick leave tagħhom meta wliedhom ikunu morda.
Fi stqarrija, il-Malta Women’s Lobby saħqet li filwaqt li tinnota din l-oġġezzjoni u t-tħassib tal-MEA, qed titlob soluzzjonijiet mill-gvern biex issolvi l-problema rikorrenti li jiffaċċjaw il-ġenituri li jaħdmu meta uliedhom jimirdu.
Bħalissa, il-liġi f’Malta tippermetti biss 15-il siegħa ta’ urgent family leave għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Fil-prattika dan jista’ jfisser li jekk tifel ikun marid għal erbat ijiem f’Jannar, il-ġenituri jispiċċalhom tali leave bejniethom għall-kumplament tas-sena.
X’suppost jagħmlu l-ġenituri f’sitwazzjonijiet bħal dawn għall-bqija tas-sena? Iħallu lit-tifel marid waħdu d-dar u jmorru għax-xogħol minħabba nuqqas ta’ leave? Jibgħatuh iċ-childcare, anke jekk ikollu d-deni jew mard li jittieħed?
Il-Malta Women’s Lobby sostnew li jiddispjaċihom jinnutaw li gvernijiet suċċessivi f’Malta adottaw approċċ mhux realistiku, xħiħ u nsensittiv biex jingħata leave deċenti u adegwat relatat mal-familja għall-ġenituri li jaħdmu fis-settur privat.
Meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-UE, il-15-il siegħa fis-sena ta’ urgent family leave li jingħataw f’Malta huma, fl-aħjar mod, tad-daħk u, fl-agħar każ, tal-biki. Fl-Isvezja, l-urgent family leave jista’ jkun sa 120 jum (bil-gvern ikopri 80% tal-ispiża), fil-Polonja 60 jum, u fil-Portugall 30 jum (mhux siegħa). Id-differenza ma tistax tkun aktar qawwija. Il-Malta Women’s Lobby tgħid li hu għalhekk li ma tantx hu ta’ sorpriża li Malta qed tesperjenza l-inqas rata ta’ twelid fl-UE.
Fl-istqarrija saħqet li l-gvern jeħtieġ li jneħħi tattiċi ta’ dewmien u għandu jimpenja ruħu għal urgent family leave realistiku għall-ġenituri li jaħdmu, billi joffri soluzzjonijiet fattibbli lill-ġenituri li qed jieħdu ħsieb it-tfal morda. Filwaqt li żiedu jgħidu wkoll li miżuri bħal dawn jeħtieġ li jiġu estiżi għall-familji li jieħdu ħsieb qraba morda. L-“urgent family leave” jeħtieġ li jiġi definit għal dak li verament jirrappreżenta.
Nofs miżuri, bħal dawk proposti, biex l-urgent family leave jiġi rduppjat għal 30 siegħa fis-sena, mhumiex realistiċi u huma ta’ diżrispett, u mhux se jaħdmu. Huma sempliċement insuffiċjenti u jisfidaw kull loġika.
Fl-aħħarnett il-Malta Women’s Lobby insistiet li l-gvern jeħtieġ li jsib soluzzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza li jaħdmu kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-impjegati.
//= $special ?>