Raġel ‘homeless’ akkużat b’attentat ta’ serq qal li aċċidentalment kisser tieqa ta’ knisja waqt li kien qed jorqod fuq armar għoli ta’ tliet sulari fil-Knisja tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa. Huwa qal lill-qorti li qatt ma kellu l-intenzjoni li jidħol fil-knisja u jikkommetti xi reat.
Hossam Amgad Anwar Aly Elnily, ċittadin Malti ta’ 26 sena, li diġa’ kien instab ħati fil-passat ta’ serq mill-knejjes wieġeb mhux ħati ta’ attentat ta’ serq u ħsara volontarja fuq propjetà ta’ terzi persuni. Liebes l-iswed, bi ħwejjġu biż-żebgħa, huwa qal li jaħdem bħala bennej u mekkanik.
Huwa kien arrestat l-Erbgħa filgħaxija ftit wara t-8.30pm mill-pulizija tal-Marsa li ġew mgħarrfa fuq il-post meta n-nies semgħu daqqa qawwija u ħoss ta’ ħġieġ imfarrak, spjegat l-Ispettur tal-prosekuzzjoni Sarah Kathleen Zerafa.
Uffiċjali tal-Pulizija lemħu lill-akkużat fit-tielet sular tal-armar li twaqqaf bi tħejjija għal xogħlijiet ta’ restawr. Il-kappillan, flimkien mas-sagristan tal-knisja ħallew lill-uffiċjali tal-pulizija jidħlu fil-knisja biex jiddeterminaw is-sors ta’ dak il-ħoss li jfarrak.
Dak il-ħoss ġie ntraċċat għal tieqa kbira li twassal għall-orgni tal-knisja. Il-ħġieġa kienet miksura fiċ-ċentru u deher pjuttost improbabbli li l-ħsara kienet ikkawżata aċċidentalment, qalet il-prosekutur. Sussegwentement is-suspettat ġie interrogat.
Saħaq li kien ilu jorqod fuq dak l-armar għal dawn l-aħħar jiem biex filgħodu jkun lest għax-xogħol. Iż-żagħżugħ qal lill-pulizija li kien qed jagħmel xogħlijiet ta’ tikħil fuq il-faċċata tal-knisja. Iżda meta l-pulizija ċċekkjaw dik l-informazzjoni mal-uffiċjali tal-knisja, qalulhom li kien għadu ma beda l-ebda xogħol.
Kien ġie mpoġġi biss l-armar u kellu jiġi ċċertifikat qabel ma seta’ jinbeda l-proġett. Barra minn hekk, aktar tard, il-pulizija sabet baskett tal-affarijiet personali tas-suspettat, li jinkludu ħwejjeġ u d-dokumenti tiegħu, f’latrina pubblika li tinsab viċin il-Knisja.
Dr. Martin Fenech l-avukat difensur ikkontesta l-validità tal-arrest, iżda wara li semgħet l-ispjegazzjoni tal-prosekuzzjoni, il-qorti kkonfermat il-validità tiegħu. L-Avukat Fenech bħala avukat tal-għajnuna legali talab il-ħelsien mill-arrest, u sostna li l-prosekuzzjoni ma pproduċiet l-ebda prova biex tirribatti l-istqarrija tal-akkużat li kien qed jaħdem fil-knisja.
L-Avukat Difensur qal ukoll li l-ġimgħa d-dieħla, l-akkużat kellu jikseb post f’xelter. Iżda l-avukat fl-uffiċċju tal-AĠ Tilden Tabone irrisponda li l-akkużat ma kellu l-ebda indirizz fiss u ma kienx ta’ min joqgħod fuqu.
Qal ukoll li preċedentement kien instab ħati ta’ diversi serqiet mill-knejjes. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet il-Maġistrat Abigail Critien ċaħdet it-talba peress li l-akkużat ma kellux indirizz fiss.
Raġel ‘homeless jgħid li kisser tieqa tal-knisja aċċidentalment u li ma riedx jisraq
