Lokali

Set tad-diski mudell 78rpm bid-diskors storiku tal-ex PM Nerik Mizzi miżmum fl-arikvji storiċi

Il-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi ħabbret fi stqarrija li hija kburija li s-set tad-diski mudell 78rpm, li fuqhom kien ġie rikordjat u mxandar fuq Rediffusion id-diskors storiku tal-ex Prim Ministru Nerik Mizzi mill-Assemblea Leġislattiva fid-29 ta’ Novembru 1950, jinsab miżmum fl-arkivji storiċi tal-istess Fondazzjjoni.

Il-Prim Ministru Nerik Mizzi kien indirizza l-Parlament u lin-nazzjon minn fuq Rediffusion, l-uniku mezz ta’ xandir li kien jeżisti dak iż-żmien biex il-poplu jkun infurmat u konxju mill-qagħda kritika fil-pajjiż minħabba r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali li fiha l-Partit Nazzjonalista kien l-akbar partit iżda ma kellux maġġoranza assoluta, u b’hekk, il-Prim Ministru kien qed imexxi bi gvern ta’ minoranza.

Nerik Mizzi rebaħ vot ta’ fiduċja xorta waħda, iżda xahar wara dan id-diskors storiku, l-ex Prim Ministru ħassu ħażin u miet fl-20 ta’ Diċembru tal-1950. Huwa kien miet, wara li ma semax mit-tobba u ħabbar sens ta lealtà lejn il-kuruna Ingliża, u mar jilqa’ lil Prinċipessa Margaret meta waslet f’pajjiżna.

Id-diski 78rpm kienu għand Mons Fortunato Mizzi, iben Nerik Mizzi, kien għaddihom lil Tony Micallef, xandar popolari fis-snin 50 u 60 fuq Rediffusion u wara fuq Radju Bronja. Snin wara, Micallef kien għamel dan id-diskors digitized, u b’hekk għandna l-uniku mezz biex nisimgħu l-vuċi perfetta tal-maħbub Nerik Mizzi.

Iżda Tony Micallef għadda s-set tad-diski biex jinżammu fl-arkivji tal-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi nhar il-Ħamis, 21 ta’ Novembru tal-2023, u b’hekk, baqgħu fl-arkivji tal-familja Mizzi.

Richard Muscat, President tal-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi, filwaqt li apprezza il-ġest ta’ Tony Micallef, għadda kopja tad-diskors ta’ Nerik Mizzi lil Charles Farrugia, Arkivista Direttur tal-Malta National Archives u lill-Professur William Zammit, Kap tad-Dipartiment tal-Librerija tal-Universita’ ta’ Malta. Kopja oħra tad-diskors tal-Prim Ministru Nerik Mizzi tinsab fl-arkivji ta’ TVM.