Lokali

‘Tisjir mill-Qalb’ b’riċetti minn 20 pajjiż differenti

Il-President ta’ Malta George Vella segwa l-proċess tal-istampar tal-pubblikazzjoni ‘Tisjir mill-Qalb’ ftit jiem biss qabel ma toħroġ għall-bejgħ b’risq il-Malta Community Chest Fund.

It-tema magħżula għall-aħħar edizzjoni ta’ ‘Tisjir mill-Qalb’ f’din il-Presidenza hija d-diplomazija u l-gastronomija; illi jfisser kif l-ikel jista’ jiżżewwaq mal-esperjenzi ta’ diversi ambaxxaturi u allura, il-pajjiżi varji li jkunu ġejjin minnhom.

Il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lill-ambaxxaturi u lill-kummissarji għolja residenti f’Malta għall-kontribut kbir tagħhom permezz ta’ riċetti tipiċi mill-pajjiżi tagħhom.

Huwa qal li b’dawn ir-riċetti nkunu nistgħu nifhmu iktar lil xulxin u napprezzaw aħjar il-wirt kulturali u gastronomiku ta’ pajjiżi differenti madwar id-dinja.

Il-koordinatur tal-ktieb, Paulino Schembri, qal li ‘Tisjir mill-Qalb’ din is-sena jinseġ l-ikel u l-kultura flimkien; b’ġabra ta’ riċetti tradizzjonali minn pajjiżi li forsi qatt mhu se jkollna l-opportunità li nżuru. Dan hekk kif il-ktieb jiġbor riċetti minn 20 pajjiż differenti lkoll magħmula minn ingredjenti li nsibu fi ħwienet lokali.

‘Tisjir mill-Qalb 2023’, li din is-sena għandu dehra ġdida, qed jiġi stampat bil-Malti u bl-Ingliż u se jkun għall-bejgħ mill-Uffiċċji tal-Malta Community Chest Fund, mill-Kitchen Garden, u minn ħwienet varji.

Il-President George Vella u s-Sinjura Vella se jkunu qed jiffirmaw kopji tal-ktieb ‘Tisjir mill-Qalb’ nhar is-Sibt 9 ta’ Diċembru bejn il-11:00am u s-siegħa ta’ waranofsinhar.