Lokali

AĠĠORNATA: Maltin maqbudin f’Munich; l-ajurport se jibqa’ magħluq sal-Ħadd minħabba l-borra

Aġġornament:

L-Ajruport ta’ Munich se jibqa’ magħluq sa mill-inqas il-Ħadd sas-2 pm minħabba l-ammont ta’ borra li nieżla fl-aħħar sigħat.

Iktar kmieni:

Titjiriet tal-Air Malta li kellhom jitilqu minn Munich lejn Malta u viċe versa ġew ikkanċellati wara li l-Ajruport ta’ Munich waqaf jopera kaġun ta’ ammont kbir ta’ borra li niżlet fiz-zona.

Bħalissa, Munich qed jara ammont kbir ta’ borra li nieżla tant li t-titjiriet kollha mill-Ajruport ma setgħux itiru lejn id-destinazzjoni tagħhom. Fost dawn hemm it-titjiriet tal-Air Malta KM306/307/308/309 li kienu pjanati li jaslu jew jitilqu mill-Ajurport matul il-jum tas-Sibt.

Il-passiġġieri ta’ dawn it-titjiriet huma ntitolati għal rifużjoni sħiħa.

Ilbierah, l-Uffiċċju Meteoroloġiku fil-Ġermanja ħareġ twissija ħamra ta’ livell għoli ta’ borra, tant li kien mistenni mill-inqas 40 ċentimetru ta’ borra.

Ajurport oħra fil-Ġermanja esperjenzaw ukoll dewmien f’diversi titjiriet sakemm titneħħa l-borra minn fuq il-mitjar. L-istess dewmien ġie esperjenzat fit-trasport pubbliku kollu, inkluż tal-linja u anke l-ferroviji.

Fi ftit sigħat biss, kawża tas-silġ u l-borra, ġew irraportati ‘l fuq minn 350 inċident fin-Nofsinhar tal-Bavaria.