Rowen Camilleri
BIRKIRKARA……………….3
ĦAMRUN S………………..0
Birkirkara: M. Zapytowski, J. Pajovic, E. Pepe, A. Queiroz (A. Ciolacu 53’), Y. Yankam, P. Mbong (M. Maia 73’), K. Zammit, A. Satariano, E. Pena Beltre, S. Zibo, A. Diakite
Ħamrun S: F. Marchetti, S. Borg, L. Montebello (Y. Nenov 70’), J. Mbong (J. Corbalan 54’), R. Prsa, E. Freitas, U. Djurnaovic (S. Paintsil 70’), O. Bjelicic, E. Marcelina, R. Camenzuli, J. Robert
Imwissija: Y. Yankam 36’, A. Satariano 36’, M. Zapytowski 43’, Y. Pajovic 60’, (B), S. Borg 36’, E. Freitas 40’, O. Bjelicic 45+3’ (Ħ)
Tkeċċa: O. Bjelicic 45+4’, E. Freitas 75’ (Ħ)
Skorjaw: A. Queiroz 25’, E. Marcelina a/g 47’, M. Maia 79’ (B)
Referee: Fyodor Zammit
Assistenti Referees: Roberto Vella u Mark Ciantar
BOV Plejer tal-Logħba: Adailton Queiroz (Birkirkara)
Il-Mument Plejer tal-logħba: Paul Mbong (Birkirkara)
Wara li ma rnexxilhomx jirbħulhom l-istaġun li għadda, Ħamrun donnhom ma jistgħux jieħdu ruħ kontra Birkirkara hekk kif fl-Istadium Nazzjonali it-tim immexxi mill-kowċ interim Brian Chetcuti għeleb lil dak ta’ Luciano Zauri 3-0. Ħamrun kienu għat-tieni darba mingħajr il-goalkeeper numru wieħed tagħhom Henry Bonello li jinsab imweġġa’. Ħamrun spiċċaw jilagħbu b’disa’ plejers meta tkeċċew għalihom Bjelicic u Freitas li t-tnejn qalgħu żewġ karti sofor.
Ħamrun kellhom l-ewwel konklużjoni perikoluża fid-19-il minuta meta kien pass fit tul mid-difiża ta’ Bjelicic lejn Djuranovic li avvanza u prova bix-xellug iżda l-ballun għadda ftit barra.
Birkirkara rrispondew billi fl-ewwel azzjoni perikoluża li waslet fil-25 minuta fetħu l-iskor. Kienet azzjoni mibdijjha minn Simon Zibo li għadda lejn in-nofs fejn sab lil Brażiljan Adailton Queiroz li minn tarf il-kaxxa bi ġmiel ta’ xutt tefa fir-rokna tax-xibka bil-goalkeeper Marchetti megħlub għal kollox.
Ħames minuti wara Birkirkara mill-ġdid fuq l-attakk, Paul Mbong japprofitta minn żball ta’ Steve Borg u jgħaddi lejn in-nofs fejn sab lil Diakite u b’xutt fil-baxx impenja lil Marchetti li kellu jtajjar b’diffikultà.
Eżatt wara ċans għal Ħamrun b’Jonny u Djurnaovic iħabbtu l-ballun bejnithom bil-plejer mill-Montenegro jipprova xutt fil-baxx u Zapytowski kellu jilqa’ f’żewġ tentattivi.
Lejn tmiem l-ewwel taqsima t-temperament tal-logħba għola mhux ħażin b’numru ta’ battibekki bejn iż-żewġ settijiet ta’ plejers biex fl-aħħar minuti tal-ħin miżjud Ħamrun spiċċaw b’għaxra meta Bjelicic intwerà t-tieni karta safra fi ftit sekondi għal handsball. Tmiem l-ewwel taqsima bl-Istripes jidħlu jistrieħu fil-vantaġġ.
Bidu mill-aqwa għal Birkirkara fejn fl-ewwel azzjoni rdoppjaw meta minn kross ta’ Satarinao, f’tentattiv li jtajjar Emerson Marcelina xeħet il-ballun fix-xibka ta’ Marchetti.
Fil-75 minuta t-tieni tkeċċija għal Ħamrun meta din id-darba kien il-Brażiljan Elionay Freitas li qala’ t-tieni karta safra.
Erba’ minuti wara Birkirkara ssiġillaw ir-rebħa meta inċertezza bejn Marcelina u Corbalan waslet biex is-sostitut Maxuell Maia sab ruħu waħdu quddiem Marchetti u b’xutt fil-baxx għeleb lit-Taljan għat-tielet gowl Karkariż.
L-iskor sat-tisfira finali baqa’ ma nbidilx bit-tliet punti jmorru għand Birkirkara li meritatament rebħu dan il-konfront u rritornaw għar-rebħ wara t-telfa tal-ġimgħa li għaddiet kontra Naxxar Lions.
