Futbol Sport

Birkirkara kontra Ħamrun u d-derby bejn Floriana u Valletta fost il-logħob interessanti mid-disa’ ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

Id-disa’ ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier se tiftaħ b’konfront mill-aktar interessanti u li dan l-aħħar sar ikun wieħed jaħraq mhux ħażin, dak bejn Birkirkara u Ħamrun Spartans. Minbarra dan il-konfront mill-aktar mistenni, insibu aktar logħob interessanti speċjalment fil-ġurnata tal-Ħadd fosthom id-derby bejn ir-rivali eterni Floriana u Valletta. Minbarra dawn iż-żewġ logħbiet mistennija, nsibu konfronti oħra li għandhom ikunu missielta bħal dak bejn Gżira United u Marsaxlokk u l-konfront bejn Hibernians u Sliema Wanderers.

Birkirkara vs Ħamrun Spartans | Illum, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali

Wara t-telfa kontra Naxxar, li waslet ukoll għar-riżenja tal-kowċ Taljan Giovanni Tedesco, Birkirkara jaffrontaw liċ-champions Ħamrun Spartans fl-ewwel konfront minn tnejn li dawn iż-żewġ timijiet għandhom f’inqas minn ġimgħa, minħabba li l-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru se jkunu qed jerġgħu jisfidaw lil xulxin fil-finali tas-Super Cup. Fl-aħħar snin, speċjalment minn meta bdiet l-era ta’ Joseph Portelli ma’ Ħamrun, nibdet rivalità kbira bejn Birkakra u Ħamrun b’din tiħrax l-istaġun li għadda wara żewġ riżultati ta’ parità fil-kampjonat u r-rebħa tal-Istripes fuq l-Ispartans fil-Kwarti tal-Finali tal-FA Trophy, li eventwalment il-Karkariżi baqgħu għaddejin biex rebħuha. Staġun s’issa mill-aktar deludenti għal Birkirkara hekk kif jinsabu fid-9 post tal-klassifika b’10 punti, 10 taħt l-avversarji iżda 3 biss ’il bogħod minn Marsaxlokk, Hibernians u Sliema li lkoll jinsabu taħt il-leaders Floriana u Ħamrun. It-tim għadda f’idejn l-assistent li kellu Tedesco, cioè Brian Chetcuti li issa għandu biżżejjed esperjenza hekk kif anke meta kien assistent ma’ Santa Lucia kien ħa f’idu t-tmexxija wara t-tluq ta’ Oliver Spiteri. Ħamrun mill-banda l-oħra kisbu rebħa diffiċli ta’ 1-0 fuq Marsaxlokk u minkejja l-mument ħażin li għaddejin minnu Birkirkara, l-Ispartans iridu jieħdu dan il-konfront bis-serjetà hekk kif l-aħħar rebħa tagħhom fuq l-Istripes tmur lura għal Mejju tal-2022 meta dakinhar kienu rebħulhom 1-0 b’gowl ta’ Franklin Sasere. Wieħed irid jara x’bidliet se jkun qed jagħmel Brian Chetcuti u kif se jirnexxielu jimmotiva l-plejers tiegħu bit-tama li jinsew l-aħħar żewġ telfiet konsekuttivi u jqumu għall-okkażjoni biex jipprovaw jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.

Floriana vs Valletta | Għada, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali

Floriana fl-ewwel post u Valletta fl-10 post tal-klassifika, madankollu dan id-derby etern xorta waħda jibqa’ wieħed li joffri ċertu stennija kif ukoll rivalità kemm fil-pitch kif ukoll bejn iż-żewġ settijiet ta’ supporters. Floriana ġejjin minn żewġ rebħiet konvinċenti kontra Sirens u Sliema rispettivament li bihom żammew posthom fil-quċċata flimkien ma’ Ħamrun b’20 punt minn tmien logħbiet fejn bħalhom għadhom ma tilfux, u l-uniċi punti li waqqgħu kienu f’żewġ riżultati ta’ draw kontra Naxxar u Gudja rispettivament. Għal dan il-konfront l-eks stilla ta’ Juventus Mauro Camoranesi mhux se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu lid-difensur ċentrali Oualid El Hasni, plejer li f’kull logħba qed ikun strumentali fid-difiża għal Greens, minħabba li jinsab sospiż logħba. Valletta min-naħa l-oħra għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa minn mindu bidlu l-kowċ fejn fl-aħħar logħba kontra Santa Lucia kienu viċin wisq it-tliet punti iżda sofrew gowl fil-95 minuta u kellhom jikkuntentaw bit-tieni draw konsekuttiv. Bħal fil-każ ta’ Birkirkara, minkejja li Valletta jinsabu fl-10 post, hemm biss 3 punti li jifirduhom mit-tielet post u għalhekk rebħa, għalkemm mhix daqsekk faċli,  tista’ ttellagħhom ’il-fuq fil-klassifika, iżda dan ma jkunx possibli jekk mhux se jtejbu l-logħob tagħhom u jibdew joħolqu aktar opportunitajiet ta’ skor. Interessanti l-fatt li Valletta llhom kważi erba’ snin ma jirbħu fi kwalunkwé kompetizzjoni kontra Floriana, bl-aħħar darba li t-tim tal-Kapitali ħareġ rebbieħ fuq Floriana kien nhar it-2 ta’ Frar, 2020 meta dakinhar fil-Kampjonat Premier, li eventwalment kien intrebaħ minn Floriana, il-Beltin kienu rebħu 1-0 b’gowl kmieni fil-partita skorjat minn Steve Borg.

L-aħħar logħba bejn it-tnejn f’Jannar li għadda spiċċat fi draw ta’ mingħajr gowls.

Santa Lucia vs Mosta | Illum, fis-2pm fis-Centenary Stadium

Bħalma għedna Santa Lucia kisbu punt fl-aħħar mumenti tal-logħba kontra Valletta l-ġimgħa li għaddiet iżda dan xorta waħda ħallihom f’qagħda kritika fil-post ta’ qabel tal-aħħar punt biss fuq it-tim tal-qiegħ nett Sirens. Bla dubju li aktar ma’ jgħaddi żmien u Santa Lucia jibqgħu ma jirbħux aktar tkompli tigrava s-sitwazzjoni tagħhom u aktar se tkun diffiċli biex iżommu posthom mal-kbar tal-futbol Malti. Mosta min-naħa l-oħra sar tim imprevedibbli u żgur li mhux ikollu r-riżultati li kien qed ikollu l-istaġun li għadda. Fl-aħħar partita l-Mostin sofrew telfa ta’ 3-0 kontra Gżira United u kontra Santa Lucia huwa importanti ħafna li jiksbu tliet punti hekk kif l-aħħar żewġ partiti tas-sena se jkunu diffiċli kontra Floriana u Hibernians rispettivament. Madankollu dan il-konfront jista’ jkun wieħed kemmxejn antipatku kontra tim li għalkemm l-istaġun tiegħu huwa għat-tela’ fl-aħħar partiti wera titjieb speċjalment mill-att difensiv fejn l-avversarji qed isibuha diffiċli jippenetraw iżda s-Saints qed jonqsu milli jsibu x-xibka biżejjed biex jieħdu l-punti, tant li mill-aħħar erba’ partiti skorjaw biss darba proprju fl-aħħar konfront kontra Valletta.

L-aħħar darba li ltaqgħu dawn iż-żewġ timijiet kien f’April li għadda b’Mosta dakinhar jieħdu t-tliet punti f’rebħa ta’ 2-1.

Balzan vs Sirens | Illum, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali

Fit-tieni logħba tal-lum fl-Istadium Nazzjonali, Balzan jibdew favoriti kontra t-tim tal-qiegħ nett Sirens. Għal Balzan dan ukoll huwa ċans biex jirritornaw għar-rebħ wara żewġ telfiet u draw diżappuntanti fejn jidher ċar li dan it-tim mhux jilħaq l-aspettativi tiegħu, u meta tħares lejn l-iskwadra individwalment żgur li jixraqlu jkun f’pożizzjoni aħjar. It-tim immexxi minn Oliver Spiteri, bħal Birkirkara, Mosta u Valletta għandu 10 punti u jinsab f’waħda mill-pożizzjonijiet tar-relegazzjoni, iżda peress li t-timijiet huma wisq viċin ta’ xulxin rebħa tista ttella’ lil Balzan diversi postijiet fil-klassfika. L-avversarji Sirens kif għedna jinsabu ankrati fl-aħħar post tal-klassifika b’2 punti biss, u b’6 telfiet minn 8 logħbiet. Bla dubju li l-karta li lagħbet l-amministrazzjoni tat-tim minn San Pawl il-Baħar, cioè dik li ġġib numru ta’ plejers mingħand iċ-champions tal-Ghana, ma ħalliet l-ebda frott u wieħed irid jara jekk dan il-pjan jibqax fis-seħħ jew jekk ikunx qed jinbidel kompletament b’sett ta’ barranin ġodda fis-suq ta’ traferimenti ta’ Jannar, bit-tama li Sirens idawru l-forma negattiva li jinsabu fiha, l-agħar waħda kemm ilhom li kienu promossi għall-Kampjonat Premier lura fl-istaġun 2018/2019. Balzan għandhom sospiż lid-difensur mill-Montenegro Momcilo Raso li fl-aħħar partita għaqqad erba’ karti sofor.

L-istaġun li għadda fl-aħħar konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet Balzan ħarġu rebbieħa 3-1 b’doppjetta ta’ Angel Torres u gowl ta’ Bojan Kaljevic.

Naxxar Lions vs Gudja United | Għada, fil-11am fis-Centenary Stadium

It-tim sorpriża tal-istaġun huwa Naxxar Lions li wara li tilfu l-ewwel żewġ konfronti fil-kampjonat ħafna kienu qed ibassru li dawn kienu se jkunu faċilment lura minn fejn ġew. Madankollu t-tim immexxi minn George Vella, li kien ivvutat bħala l-Kowċ tax-Xahar għall-Ottubru, ġab numru ta’ riżultati pożittivi fosthom tliet rebħiet, bl-aktar waħda riċenti tkun dik  tal-ġimgħa l-oħra kontra Birkirkara, rebħa li poġġiet lil-Lions fis-sitt post bi 12-il punt.  Għada filgħodu huma se jkunu qed jaffaċjaw lil Gudja United, tim ieħor li għadu qed ifittex l-ewwel rebħa u li jinsab fiż-żona tar-relegazzoni b’5 punti biss minn tmien partiti. L-istaġun li għadda, meta Naxxar kienu fiċ-Challenge League, taw battikata mhux ħażin lil Gudja meta lagħbu kontrihom fl-FA Trophy fejn saħansitra kienu minn fuq iżda spiċċaw biex tilfu 2-1. Qabel dan il-konfront huma kienu ilhom ma jiltaqgħu sa mill-istaġun 2018/19 meta dakinhar ukoll kienu Gudja li rebħu 3-1.  Rebħa għal Naxxar tkun konferma li mhix kunbinazzjoni li dan it-tim jinsab fejn jinsab fil-klassifika filwaqt li Gudja għandhom bżonn jirbħu biex ma jibqgħux jitbgħedu mill-għaxar post. Jesmond Zammit, kowċ ta’ Gudja mhux se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu lill-midfielder laterali mis-Senegal Abou Tourè li se jkun qed jiskonta sospensjoni ta’ partita.

Gżira United vs Marsaxlokk  | Għada, fis-2pm fis-Centenary Stadium

Żewġ punti biss hemm jifirdu li Gżira u Marsaxlokk hekk kif huma jisfidaw lil xulxin għada fis-2pm fis-Centenary Stadium. Gżira ġejjin minn rebħa konvinċenti ta’ 3-0 fuq Mosta filwaqt li Marsaxlokk sofrew telfa minima ta’ 1-0 kontra ċ-champions u leaders attwali Ħamrun Spartans. Aktar ma’ jmur il-Maroons qed isibu sieqhom u apparti t-telfa kontra Sliema, mill-aħħar ħames logħbiet rebħu tlieta u ġew draw kontra Valletta. Wieħed jistaqsi x’kien it-tragward fil-bidu tal-istaġun għal Gżira meta tikkunsidra li s-saħħa tal-iskwadra tnaqqset drastikament iżda din il-partita kontra Marsaxlokk tista’ tagħti indikazzjoni tal-intenzjonijiet li għandu dan it-tim. Ix-Xlukkajri mill-aħħar erba’ logħbiet tilfu tlieta u rebħu waħda iżda kienu xortihom tajba li żammu posthom ma’ ta fuq sforz it-taħlita ta’ riżultati li kellhom it-timijiet ta’ taħthom, iżda issa ma jistgħux ikomplu jitilfu l-punti jekk iridu jibqgħu jissieltu għal post mal-ewwel erbgħa, tragward li meta wieħed jara l-invenstiment li sar fit-tim bla dubju li l-amministrazzjoni ta’ Marsaxlokk kienet qed tħares lejħ. Ryan Scicluna se jkun nieqes mill-iskwadra mmexxija minn Winston Muscat hekk kif qed jiskonta sospensjoni ta’ logħba.

L-aħħar darba li ltaqgħu dawn iż-żewġ timijiet kien f’Jannar li għadda bil-Maroons jirbħu 3-0.

Hibernians vs Sliema Wanderers | Għada, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali

L-aħħar konfront minn din id-disa’ ġurnata huwa dak bejn Hibernians u Sliema Wanderers, żewġ timijiet, li bħal Marsaxlokk, jinsabu eżatt taħt il-leaders Floriana u Ħamrun bi 13-il punt. Il-Pawlisti ġejjin minn żewġ rebħiet kontra Gudja u Sirens rispettivament iżda din il-ġimgħa quddiemhom għandhom avversarji xi ftit aktar diffiċli bi Sliema, minkejja t-telfa fid-derby l-ġimgħa li għaddiet, s’issa urew li huma fost l-aktar timijiet tattikament organizzati fil-kampjonat. Hibernians bħalissa qed jiddependu wisq fuq il-Grieg Giannis Bastianos li skorja 5 gowls iżda kolletivament għadhom mhux daqsekk konvinċenti fejn anke mat-tim tal-qiegħ nett Sirens fl-aħħar konfront bgħatew biex kisbu t-tliet punti u żgur li kontra Sliema jridu jtejbu l-prestazzjoni tagħhom biex jassiguraw mit-tielet rebħa konsekuttiva. Min-naħa tagħhom Sliema jridu jinsew it-telfa kontra Floriana u jerġgħu jibdew iħarsu lejn rebħ ta’ punti biex anke jkunu qabżu lill-istess Hibernians u jikkonfermaw li ta’ bilħaqq jixraqilhom post man-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Kif għedna f’okkażjonijiet oħra l-forte ta’ Sliema huwa l-kollettiv u kontra Floriana, anke kif qal il-kowċ Paul Zammit wara l-partita, it-tim ikkollassa psikoloġikament mal-ewwel gowl u bla dubju li din kienet l-aktar ħaġa li Zammit ħadem fuqha fit-taħriġ matul din il-ġimgħa.

L-aħħar li lagħbu kontra xulxin Hibernians u Sliema kien fi Frar tal-istaġun 2021/22 meta dakinhar kien gowl ta’ Jurgen Degabriele li ta rebħa ta’ 1-0 lil Tal-Pagun.