Sport Waterpolo

Il-perseveranza ta’ Sirens tippremjahom b’punt u tagħti vantaġġ lil Sliema qabel il-logħba deċiżiva

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…… 14

SIRENS……………………………. 14

(3-4), (3-1), (4-2), (4-7)

Sirens għamlu dak li ħafna ħasbu li ma setgħux jagħmlu u ma ġewx megħluba miċ-champions San Ġiljan JP Projects. Il-punt miksub ħadmu għalih u ma serquhx. Huma baqgħu jippersistu anki meta kienu tliet gowls minn taħt fl-aħħar parti tal-logħba, b’San Ġiljan ma għarfux jikkontrollaw.

It-tim immexxi minn Ranko Perovic wera l-intenzjonijiet minn kmieni u mar 2-0 fil-vantaġġ. Għalkemm San Ġiljan irkupraw l-iżvantaġġ, Sirens baqgħu minn fuq sa tmiem l-ewwel sessjoni. San Ġiljan dawru r-riżultat fit-tieni sessjoni u bi tliet gowls konsekuttivi marru 6-5 minn fuq.

Il-Ġiljaniżi ħadu l-kontroll tal-logħba fit-tielet sessjoni u mingħajr ma impressjonaw, bnew vantaġġ ta’ 10-6 li deher komdu sa dak il-ħin. Sirens baqgħu jippruvaw u jwieġbu wara l-gowls tal-avversarji biex baqgħu tnejn jew tliet gowls warajhom.

Il-penalty ta’ Russell Caruana bi tliet minuti għat-tmiem, deher li għalaq il-logħba b’vantaġġ ta’ 14-10 iżda l-logħba ma kinitx spiċċat. Gianni Farrugia naqqas id-distakk f’azzjoni maħduma tajba u doppjetta ta’ Ken Erdogan ħalliet lil Sirens jittamaw b’minuta għat-tmiem. Dan anki wara li Matthew Bonello DuPuis salva penalty. B’sekondi għat-tmiem, Jake Cachia ġab id-draw minn man-up għal punt meritat.

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli, A. Galea, N. Bonavia, R. Caruana (1), M. Zammit (4), J. Bonavia (1), D. Tully, J. Abela (2), N. Zammit (3), D. Zammit (1), N. Schiavone (2), G. Borg, S. Cutajar, A. Formosa

Sirens: M. Bonello DuPuis, P. Serracino, K. Erdogan (6), M. Farrugia, J. Zerafa Gregory (1), J. Cachia (2), M. Chircop (2), I. Riolo, K. Agius, G. Farrugia (1), T. Perici Ferrante, M. Azzopardi (2), I. Schembri, M. Ortoleva, W. Ruggier

Referees: Ronnie Spiteri, Neville Mercieca

VALLETTA IZIBET……………….. 7

SLIEMA FRANK SALT………… 12

(1-4), (2-3), (4-2), (0-3)

Sliema Frank Salt żammew ir-rekord perfett f’din l-edizzjoni għalkemm tħabtu ftit aktar milli mistenni biex għelbu lil Valletta Izibet. It-tim ta’ Gianni Katrouzanakis sofra minn inkosistenza fil-prestazzjoni f’nofs il-logħba iżda qatt ma ntlaħqu mill-avversarji.

Is-Slimiżi bnew vantaġġ ta’ tliet gowls fl-ewwel sessjoni iżda Valletta rażżnu ftit lill-avversarji u żammew id-distakk kostanti, b’Dino Zammit ikabbar il-vantaġġ għal 7-3.  Dan il-gowl deher li seta’ jwitti t-triq għal Sliema iżda Valletta kienu għaqlin li baqgħu fil-logħba.

L-ewwel naqqsu d-distakk għal 7-5 u saħansitra ġew gowl minn taħt. F’mument meta setgħu ġabu d-draw, fallew okkażjoni u fl-aħħar sekondi John Brownrigg għamilhom 9-7. Fl-aħħar sessjoni, Sliema aċċertaw mir-rebħa bi tliet gowls mingħajr risposta.

Valletta: B. Busuttil, S. Mallia, M. Naudi, J. Farrugia (1), S. Busuttil (1), M. Demarco, M. Mifsud (2), J. Saliba, K. Borg (3), A. Agius, J. Culic, K. Cremona, A. Bugeja

Sliema: N. Grixti, V. Figliomeni, L. Galea (2), D. Rizzo, J. Cassar (1), B. Cachia (1), P. Tabone, S. Engerer, J. Brownrigg (3), J. Chircop, G. Gatt, D. Zammit (4), Z. Dzanovic, J. Sciberras (1), T. Fenech

Referees: Massimo Angileri, Stefan Licari

MARSASKALA ESC……………… 9

NEPTUNES VIDEOSLOTS…… 14

(3-4), (2-4), (2-3), (2-3)

Ritorn għar-rebħ għal Neptunes Videoslots wara t-telfa kontra Sliema fost il-ġimgħa. Neptunes ma ddominawx iżda kienu ftit aħjar mill-avversarji f’kull sessjoni hekk kif Marsaskala offrew sfida denja.

Iż-żewġ timijiet kellhom il-vantaġġ f’partijiet mill-ewwel sessjoni, biż-żagħżugħ Julian Valletta jpoġġi lil Neptunes 4-3 minn fuq fl-aħħar perjodu tas-sessjoni. Neptunes kabbru l-vantaġġ għal 7-4 fit-tieni sessjoni u żammew id-distakk ta’ gowls sa tmiem is-sessjoni.

Neptunes ikkonsolidaw il-vantaġġ għal 11-7 fit-tielet sessjoni, b’Ryan Galea jispikka b’doppjetta. It-tim ta’ Aleksandar Ciric aċċerta mit-tliet punti fil-bidu tal-aħħar sessjoni b’gowl tal-captain Jordan Camilleri u kkontrollaw sat-tmiem.

Marsaskala: A. Muscat, G. Bonavia, G. Galea, J. Pace Mizzi, M. Agius, E. Bilgrin, K. Navarro (2), K. Grech, G. Sammut, J. Ciantar (3), M. Carani (4), M. Borg, L. Montebello Brownrigg, J. Colombo

Neptunes: M. Farrugia, L. Mallia, R. Spiteri (1), G. Pace (1), J. Valletta (2), D. Bugeja (1), M. Castillo (1), J. Camilleri (1), R. Galea (2), J. Bajada, A. Fenech (2), E. Mallia (3), S. Bonetti, J. Borg Tabone, A. Fava

Referees: Ronnie Spiteri, Richard Magri

EXILES WELBEE’S………………. 12

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……. 8

(3-1), (5-1), (2-2), (2-4)

It-tieni rebħa għal Exiles li biha kkonfermaw tal-anqas is-sitt post. Konfront kwiet li fih ikkontrollaw sa minn kmieni, bit-tim ta’ Birżebbuġa jidħol ftit fil-logħba wara li Exiles kienu aċċertaw mir-rebħa.

Doppjetta ta’ Keith Tanti u gowl ta’ Zak Cutajar Licari taw vantaġġ ta’ 3-1 lil Exiles. Il-vantaġġ kompla jiġi kkonsolidat fit-tieni sessjoni b’distakk ta’ 5-1 u 8-2 rispettivament.

Din id-differenza għamlitha diffiċli għal Birżebbuġa biex jibqgħu fil-logħba, għalkemm tjiebu fit-tieni parti tal-logħba. Huma tal-anqas irnexxielhom jagħmlu r-riżultat rispettabbli fl-aħħar sessjoni għalkemm Exiles baqgħu xorta jikkontrollaw il-logħba.

Exiles: M. Castillo, Z. Cutajar Licari (2), Z. Micallef, D. Pace Lupi (2), M. Martellacci, M. Paris Roding, M. Fenech, K. Griscti (3), L. Pursehouse, K. Tanti (4), M. Aquilina, N. Saliba (1), F. Buhagiar

Birżebbuġa: M. Sladden, S. Bezzina (1), N. Cassar, J. Cauchi, N. Fenech, M. Manara (2), W. Mizzi, I. Galea, D. Farrugia (1), M. Cutajar (2), G. Mannino, M. Curmi (2), S. Livori, D. Incorvaja, M. Cassar

Referees: Massimo Angileri, Stefan Licari

Kif Jinsabu wara sitt logħbiet

Sliema 18-il punt, San Ġiljan 16-il punt, Sirens 13-il punt, Neptunes 9 punti, Valletta 9 punti, Exiles 6 punti, Marsaskala 0 punti, Birżebbuġa 0 punti

Logħob li jmiss

L-Erbgħa 13 ta’ Diċembru: Neptunes v Valletta 9.00am, Birżebbuġa v Marsaskala 10.10am, Sirens v Exiles 11.20am, Sliema v San Ġiljan 12.30pm