Mingħajr ebda mistħija, il-Gvern jammetti li kien Gvern Laburista stess li ta’ hekk imsejħa mill-Prim Ministru direzzjoni politika biex Pierre Fenech jagħti impjieg falz lil Rosianne Cutajar – u jibqa’ ma jiġri assolutament xejn.
Sostna dan id-Dekan għall-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fi ħdan l-Università ta’ Malta Andrew Azzopardi matul il-programm Opinjoni l-Ġimgħa filgħaxija fejn iddeskriva l-aġir ta’ Cutajar bħal ġenitur li f’nofs tal-lejl jisraq mill-karus ta’ uliedu.
Dan kollu wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Awditur Ġenerali sab li l-impjieg ta’ Konsulent mal-ITS li kien ingħata lil Rosianne Cutajar wara li bħala wieħed fi kliemu, fażull imħallas minn fondi pubbliċi. Dan hekk kif insista li kien hemm nuqqas assolut ta’ evidenza ta’ ħidma li jitfa’ dubju fuq ix-xogħol li sar.
Ir-reazzjoni tal-eks Segretarju Parlamentari Laburista kienet li kieku kellha d-don li taqra l-futur u kienet taf li 4 snin wara kienet se tiġi investigata kienet iżżomm id-dokumentazzjoni kollha. B’rabta ma’ din l-istqarija ta’ Cutajar, Andrew Azzopardi insista li mhux qed jemmen li fl-2023…m’hemmx l-iċken evidenza jekk verament sar ix-xogħol…mqar sempliċi e-mail.
Intant, l-Avukat Errol Cutajar insista li l-Kummissarju għandu jinvestiga mill-aktar fis possibli – kemm b’rabta mal-impjieg falz li ngħata lil Rosianne Cutajar, kif ukoll dwar it-tlett sptarijiet li l-Qorti sabet li kienu ngħataw f’deals frawdolenti, deals bejn il-Gvern Laburista u Vitals Global Healthcare u sussegwentament Steward Healthcare – ftehimiet li swew lill-poplu Malti u Għawdxi mijiet ta’ miljuni ta’ ewro.
Andrew Azzopardi staqsa fejn marru dawn il-flus u min huwa responsabbli għal dan l-aġir – ta’ sparpaljar mit-taxxi tal-poplu, mixħutin fil-bwiet tal-qalba.
Dan filwaqt li l- Kap tad-Dipartiment tal-Politika Pubblika fi ħdan l-Unviersità ta’ Malta, Mario Thomas Vassallo saħaq li dan il-pajjiż jinsab fi kriżi politika. Huwa sostna li għall-ewwel darba fl-istorja parlamentari Maltija – kandidat issa indipendenti ingħata din il-kundanna mill-Awditur Ġenerali – huwa insista li l-pajjiż għandu bżonn bidla fil-mentalità u risposta qawwija kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Oppożizzjoni.
Huwa stqarr li l-politiċi għandhom paga miżera għar-responsabbiltajiet li għandhom filwaqt li insista li f’pajjiżna għandna marda kronika fil-governanza.
Intant, Andrew Azzopardi insista li preżentament il-Partit Laburista jinsab maqbud fi ġlied intern fost id-deċiżjonijiet li ħa Robert Abela u n-nuqqas tagħhom, fost l-hekk imsejħa minn Azzopardi stess, it-tug of war…bejnu u bejn ta’ qablu…Joseph Muscat.
//= $special ?>