It-tenur Malti Joseph Calleja jgħid li numru ta’ bdoti ta’ linji tal-ajru rinomati qalulu li raw UFOs
“Unidentified Anomalous Phenomena”
Hekk qed jiġu msejħa mill-Aġenzija Spazjali Amerikana NASA dawk l-aktar magħrufin bħala UFOs – fejn fl-aħħar ġimgħat l-Awtoritajiet Amerikani spjegaw li ma hemm ebda evidenza xjentifika li juru li dawn l-oġġetti fl-ajru huma aljeni minn barra minn din id-dinja…imma ma jfisser bl-ebda mod li għandhom jiġu injorati.
Fis-snin riċenti, wara għexieren ta’ snin ta’ domandi, uffiċjali mill-Pentagon ippubblikaw filmati ta’ oġġetti inspjegabli u mhux identifikati li saħansitra bdoti tal-armata Amerikana ma setgħux jispjegaw.

Kelliema għal Nasa tennew wara l-pubblikazzjoni ta’ numru ta’ filmati li ma hemm ebda evidenza tal-eżistenza tal-aljeni…madanakollu saħqu li kollox jista’ jkun.
Fl-aħħar jiem ir-rivelazzjoni ta’ sistema solari li tinsab triljuni ta’ mili ‘l bogħod minnha, deskritta mill-ixjenzati kważi perfetta li tixbah f’suritha dik li d-dinja tagħna tagħmel parti minnha – kompliet tixħet aktar domandi dwar kif jista’ jkun li f’dan l-univers tant vast ninsabu waħedna.
Net News tkellem ma’ Sayan Cassar, preżentatur ta’ podcast lokali onlajn fejn ta’ kull ġimgħa jintervista diversi persuni li jaqsmu l-esperjenza tagħhom miegħu dwar il-paranormal u l-misteri fis-smewwiet, fosthom anke it-tenur Malti Joseph Calleja – li saħaq saħansitra li kelmuh numru ta’ bdoti li raw oġġetti inspjegabli fl-ajru.

Huwa stqarr li l-evidenza li qed tiġi ppreżentata fil-Kungress Amerikan qed tiftaħ bibien li ilhom is-snin jiġu misturin.
Matul in-numru ta’ intervisti li wettaq, Cassar sostna li laqtuh bosta esperjenzi u kellu l-opportunità josserva diversi filmati li sa issa ħadd ma jista’ jispjega – dan filwaqt li saħaq li wieħed jista’ jagħmel kuntatt ukoll ma’ UFO Kuntatt Malta jekk ikun hemm xi rapport.
Sayan Cassar insista li madwarna ikun hemm bosta rapporti fittizji dwar dan is-suġġett; min jgħamilha b’ċajt u min għal fama – madanakollu għamel kuraġġ lil dawk il-persuni li minħabba li din it-tema għadha pjuttost taboo joqgħodu lura milli jaqsmu l-esperjenzi li ma jistgħux jispjegaw…minħabba l-biża’ li jiġu redikolati.
Huwa appella sabiex in-nies ma joqgħodux lura milli jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, biex jeliminaw il-biża’ u jkun hawn aktar għarfien u studju f’pajjiżna dwar is-suġġett li, minkejja s-silenzju, jaf qiegħed jolqot lil numru ta’ nies.
