Lokali

“Aħjar bqajt il-Ħabs għax kont insib sodda u biċċa ħobż x’niekol” – Eks priġunier jitkellem mal-Mument appena joħroġ mill-ħabs

F’nofs din il-ġimgħa fl-uffiċċju ta’ Il-Mument ġie priġunier li għadu kemm skonta sentenza ta’ priġunerija. Ġie għandna b’ta’ fuqu senduqu.

Qalilna li la kellu flus, la kellu x’jiekol, la kellu x’jixrob, la għandu saqaf fuq rasu,… Lest li jibda jaħdem minnufih biex forsi r-rota tibda ddur. Qalilna li hu determinat li jkompli jitbiegħed mid-droga.

Qalilna li sab ruħu f’din is-sitwazzjoni għaliex aktar minn għaxar snin ilu kien inqabad jagħmel reat dwar droga. Imbagħad disa’ snin wara tressaq il-Qorti u spiċċa biex weħel sentenza ta’ priġunerija għal reat li kien għamel meta kien imċappas mad-droga.

Qalilna li llum ilu x-xhur ma jmiss xi forma ta’ droga, anki jekk fil-Ħabs droga hemm. “Tħallas u jġibulek li trid. Mhux daqs qabel, iżda jekk tridha ssibha.”

Dan l-eks priġunier jixtieq li jaqbad it-triq it-tajba u jkompli jitbiegħed mhux biss mid-droga, imma anki mill-Pulizija u l-Ġustizzja. Iżda għandu kollox kontra tiegħu. Imma x’se jaqbad jagħmel m’għandux l-iċken idea. “Bejni u bejn ruħi ngħid li aħjar bqajt il-Ħabs għaliex fil-Ħabs kelli sodda u ċella; fil-Ħabs kont insib x’niekol u x’nixrob… issa? M’għandi assolutament xejn.

Qalilna li x-xhur li għadda fil-Ħabs seta’ jinnota kif ta’ ġewwa jagħmlu li jridu imma dawk li ma jbaxxux rashom għal li jgħidulhom ikollhom isofru l-problemi.

“Kellna Uffiċjal partikulari li dawk il-priġunieri li kienu jserrħuh kien jaġevolahom, imma min ma jagħtihx wiċċ kien jispiċċa diskriminat fil-veru sens tal-kelma. Nibqa’ nqisu bħala l-akbar korrott li kien hemm fil-Ħabs ta’ Kordin,” qalilna dan il-priġunier.

Żied li anki fejn jidħol it-tqassim tax-xogħol. “Ikun hemm priġunieri li jitqabbdu jaħdmu wara ftit ġimgħat biss, imma mbagħad ikun hemm oħrajn li jdumu jitkarrbu x-xhur biex forsi jingħataw xi forma ta’ xogħol u jaqilgħu xi ħaġa tal-flus.”

Żied li l-kundizzjonijiet ta’ ċerti ċelel huma ħżiena ħafna. Ċelel kesħin u umdużi. Ċelel bil-ħitan ifarfru. Ċelel li anqas huma tajbin biex trabbi xi annimal fihom.

Temm jitlob l-għajnuna. Temm jgħidilna li bejn il-ħitan tal-Ħabs jiġru ħafna affarijiet li allaħares jinħarġu ’l barra mill-konfini tal-Ħabs. Allaħares jarawk taqra Il-Mument għaliex malajr jiġi xi Uffiċjal, jeħodhielek u jqattagħhielek f’wiċċek!