Kemm hu mportanti li nsewwu l-annimali tagħna u li naddotaw l-annimali li jkunu ġew abbandunati.
Dawn kienu l-messaġġi ewlenin li waslu bosta attivisti u voluntiera li kienu preżenti għall-attivita li qed issir illum f’Pembroke u li ser tibqa’ għadejja sal-16:00.
L-għan ewlieni ta’ din l-attivita bl-isem ta’ ‘Pet Christmas Fiesta’, huwa li jkun hawn iżjed għarfien dwar it-tbatija li jgħaddu minna l-annimali kollha li jisfaw abbandunati. Sfortunatament l-ammont ta’ klieb u qtates li ġew abbandunati wara l-pandemija tal-Covid-19 kien wieħed sostanzjali.
Maxine Borg, voluntiera li tadotta bosta qtates u klieb li jkunu ġew salvati ħafna drabi ta’ ftit xhur, spjegat li meta dawn l-annimali jinstabu ħafna drabi jkollhom nuqqas kbir ta’ nutrijenti, u fil-każ tal-qtates bosta drabi jkunu qed issofru wkoll minn cat flue u din tikkawza infezzjoni severa fl-għajnejn. Għalhekk, kompliet tgħid Maxine dawn l-annimali jkollhom bżonn ħafna attenzjoni sabiex jingħataw l-għajnuna neċċessarja. Dan kollu għalhekk iwwassal għal ħtieġa kbira ta’ voluntiera.

Minn naħa tagħha Romina Frendo, attivista tal-annimali, mill-ġdid fakkret fuq il-kampanja nazzjonali tat-tiswija tal-qtates (national neutering campaign), skema li hija b’xejn u miftuħa għall-qtates kollha ta’ triq. Hija spjegat li din il-kampanja tevita ħafna moħqrija lill-qtates, kif ukoll lit-trabi tal-qtates li ħafna drabi jispiċċaw mitluqa mingħajr l-omm.
Waqt l-intervent tagħha Romina Frendo sostniet li l-qtates mhumiex annimali ta’ barra, minkejja li dawn matul is-snin tgħallmu jadattaw. Fil-fatt tkun ta’ trawma kbira għall-qattus li jkun imdorri jgħix komdu f’dar, li imbagħad jispiċċa mitluq fit-triq, espost għall-elementi naturali kollha u mingħajr ikel. Għalhekk meta l-qtates jiġu msewwija, eventwalment jibdew jonqsu n-numru ta’ qtates jiġru fit-triq, u naturalment tonqos ħafna t-tbatija.
Moira Delia, li kienet qed tmexxi d-diskussjoni għamlet appell biex dawk kollha li jaraw xi tip ta’ moħqrija jirrapurtaw minnufih, u ma jżommux lura milli jċemplu fuq 1717. Hi sostniet li minn iċċempel jista’ jibqa’ annonimu, pero importanti li jagħti kemm jista’ jkun jagħtu d-dettalji kollha speċjalment l-indirizz.
Għall din l-attivita qed jiehdu sehem numru ta’ NGOs flimkien mad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Anninali.

Fost il-bosta stands, hemm ukoll l-istand tal-Animal Welfare, li bhala direttorat qed iqassmu kotba edukattivi … miktuba mit-tfal ghal tfal.

Il-ktieb ‘Aħna t-Tfal Ħbieb tal-Annimali’ jinkludi numru ta’ poeżiji ħelwin, u stejjer qosra illi kitbu tfal minn skejjel differenti.
