Lokali

“B’dawn it-tliet mozzjonijiet li qegħdin jiġu mressqa llum, lill-poplu Malti u Għawdxi se nagħtuh tmexxija li verament tixraqlu” – Mark Anthony Sammut

“B’dawn it-tliet mozzjonijiet li qegħdin jiġu mressqa llum, lill-poplu Malti u Għawdxi se nagħtuh tmexxija li verament tixraqlu. Ser naħdmu sabiex ikollna Malta u Għawdex li tieħu pjaċir tgħix fihom, u fejn dak li hu tiegħek; tieħdu bid-dritt. Ser naraw li l-poplu jkollu serħan il-moħħ li l-awtoritajiet jiddefendu d-drittijiet taż-żgħir.”

Dan qalu il-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut, waqt il-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali bit-tema ‘Ħajja Aħjar f’Pajjiżna’, fejn sostna li f’dan il-Kunsill Ġenerali se jiġu mressqa u diskussi tliet mozzjonijiet importanti u li huma bbażati fuq tliet oqsma li qegħdin iħassbu tassew lill-Maltin u lill-Għawdxin. Dawn jittrattaw il-ħtieġa ta’ mudell ekonomiku ġdid u vijabbli, it-trażżin tal-għoli tal-ħajja; u t-tema li ttittrata il-governanza tajba u l-integrità fil-politika.

Fl-aħħar xhur, il-Partit Nazzjonalista ppropona mudell ekonomiku ġdid ta’ eċċellenza li jinkludu tmiem pilastri, u li hu bbażat fuq kwalità u mhux fuq iż-żieda tal-popolazzjoni. Dan għaliex il-mudell ekonomiku li qed jitħaddem preżentament addottat minn Gvern Laburista, huwa wieħed bla pjan; fejn anke l-infrastruttura ta’ pajjiżna mhux qed tlaħħaq maż-żieda fil-popolazzjoni.

Mark Anthony Sammut tkellem dwar l-isfida tal-għoli tal-ħajja fejn insista li hawn min qiegħed jwaħħel fl-isfidi internazzjonali li għamlu pressjoni fuq il-pjaga tal-għoli tal-ħajja, bħal per eżempju; il-Gwerra kontinwa bejn l-Ukrajna u r-Russja. Iżda, Mark Anthony Sammut, tenna li dan mhuwhiex korrett għal kollox, għaliex l-isfida tal-għoli tal-ħajja mhiex biss sfida li ġejja kaġun ta’ dak li hu għaddej fix-xena internazzjonali, iżda wkoll kaġun tad-deċizzjonijiet ħżiena ta’ Gvern Laburista imexxi minn Robert Abela.

Minn naħa tiegħu, il-President tal-Kunsill Ġenerali qal il-Partit Nazzjonalista ppreżenta diversi mizuri sabiex niġġieldu din il-pjaga tal-għoli tal-ħajja, iżda sa issa il-Gvern Laburista dejjem tahom bis-sieq.

Mark Anthony Sammut qal li dan iwassalna għat-tielet mozzjoni dwar il-governanza tajba u l-integrità fil-politika. Filfatt, huwa insista li l-Partit Nazzjonalista se jara li fejn hemm bżonn isir ġustizzja, se ssir ma’ kulħadd, u se jaħdem sabiex l-istutuzzjonijiet ta’ pajjiżna verament jibdew jaħdmu.