Internazzjonali

Il-Filippini: Splużjoni qattiela waqt quddiesa setgħet kienet ritaljazzjoni mill-estremisti armati

L-Uffiċjali fil-Gżira ta’ Mindanao qalu li attakk qattiel waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa għall-Kattoliċi f’kumpless ta’ università kien ikkaġunat minn grenade jew bomba mhix sofistikata….Dan wara li fl-attakk mietu erba’ persuni, b’għexieren oħra jisfaw midruba.

L-università inkwistjoni finsab f’Marawi, l-akbar belt ta’ maġġoranza Musulmana fil-Filippini, u meta fl-aħħar sigħat, numru sinifikanti ta’ persuni li kienu qed jattendu l-quddiesa spiċċaw trattati għall-ġrieħi li ġarrbu fl-isplużjoni.

Dan waqt li l-awtoritajiet Filippini qalu wkoll li s-sitwazzjoni, fl-aħħar sigħat, kienet qed tinżamm ‘taħt kontroll’.

Fl-2017, il-belt ta’ Marawi kienet front għall-battalji ħorox bejn il-qawwiet tal-Gvern Filippin u militanti b’rabtiet mal-grupp terroristiku ISIS.

Sadanittant, il-kapijiet militari f’Mindanao qalu li entità estremista bl-isem Daulah Islamiyah-Maute x’aktarx li kienet responsabbli mill-isplużjoni tallum. Dan wara li ħdax-il membru tal-grupp kienu nqatlu waqt konfronti, fi tmiem il-ġimgħa, mal-Armata tal-Filippini u li seħħew fil-belt ta’ Datu Hoffer Ampatuan, viċin ta’ Marawi.

Għaldaqstant, żdiedu s-suġġerimenti li l-isplużjoni waqt il-quddiesa setgħet twettqet bħala forma ta’ ritaljazzjoni mill-estremisti u li l-Gvern qed jirreferi għalihom bħala terroristi.

Il-President tal-Filippini Ferdinand Marcos Jr ikkundanna l-attakk bħala ‘wieħed brutali u bla sens’ waqt li rrefera wkoll – mingħajr ma elabora — għas-sehem ta’ ‘terroristi minn barra l-pajjiż’. Intant, Marcos appella biex il-poplu jibqa’ kalm waqt li aċċertahom li għandha ssir il-ġustizzja mal-awturi tal-isplużjoni.