Internazzjonali

Il-Gwerra fil-Lvant Nofsani: Jirranka l-inkwiet fost il-qtil ta’ konsulenti militari tal-Iran

Żewġ membri tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran tilfu ħajjithom, fl-aħħar sigħat, waqt attakk mill-qawwiet Iżraeljani fuq is-Sirja u fost it-tħassib dwar ir-riperkussjonijiet li jistgħu jkunu inevitabbli fil-ġimgħat li ġejjin.

Dawn  huma l-ewwel żewġ Iranjani maqtula fil-gwerra (ta’ Gaza) li ilha minn Ottubru bejn Iżrael u l-Grupp Ħamas, bl-iżvilupp qed jixpruna l-inkwiet dwar konflitt totali madwar il-Lvant Nofsani.

Kelliema għall-Gwardja Rivoluzzjonarja qalu li l-Iranjani maqtula kienu konsulenti militari li kienu fuq il-‘front għar-reżistenza tas-Sirjani Iżlamiċi’.

Ma ngħatawx dettalji tal-attakk inkwistjoni u fost indikazzjonijiet li Iżrael, fl-aħħar sigħat, kien anki qed jikkonċentra xi attakki fuq il-moviment Hezbollah tax-Xiti fil-Libanu…Il-Ħeżbollah hu moviment ta’ militanti alleat mal-Iran u li qed jhedded kontinwament li jiftaħ front tal-gwerra ġdid mal-fruntiera Iżraeljana.