Lokali

“Il-ħajja dritt”; għexieren jattendu għal mixja favur il-ħajja

“Il-ħajja hija dritt. ”

Din kienet l-għajta li fit-toroq tal-Belt Valletta minn mijiet li attendew mixja favur il-ħajja, organizzata minn Life Support Network il-Ħadd waranofsinhar.

Matul dan l-avveniment, tkelmet ic-chairperson tal-għaqda, Miriam Sciberras fejn qalet li llum aktar minn qatt qabel jinħass il-bżonn li nkunu viġilanti fil-ġlieda kontra l-abort sabiex f’Malta l-ħajja tibqa’ protetta sa mill-bidu nett tal-konċepiment tat-tarbija.

Dan filwaqt li b’dispjaċir kbir qalet li qegħdin ngħixu realtà ta’ disprezz kontinwu fejn tidħol il-ħajja, u numru kbir ta’ trabi qed jiġu abortiti taħt il-liġi f’ħafna pajjiżi.

Miriam Sciberras ammettiet li l-aħbar ta’ tqala kapaċi tkun waħda li ġġib toqol kbir magħha iżda saħqet li l-qerda ta’ tarbija fil-ġuf qatt mhi soluzzjoni.

Ic-chairperson tal-għaqda Miriam Sciberras fakkret ukoll li l-Maltin minn dejjem kienu favur il-ħajja – li hu dritt fundamentali tal-bniedem, u ebda dritt ieħor ma jagħmel sens jew jista jidgawda minghajr id-dritt tal-ħajja.

Matul din l-attività, tkelmet Patricia Sandoval li qasmet l-istorja kommoventi tagħha u spjegat aħjar l-għan ta’ din il-mixja.

Waqt din l-attività tkelmet ukoll Martha li preżentament qed iġorr tarbija fil-ġuf, u wriet appreżament  għall-privileġġ tal-maternità.

Michaela, li hija studenta fl-Università ta’ Malta qasmet ir-responsabbiltà li hija ħasset sabiex tippromwovi d-dritt għall-ħajja u tkun vuċi għal dawk li għadhom fil-ġuf.

Minn naħa tagħha, it-tabib Daniella Zerafa ffokat fuq l-importanza ta’ soċjetà li tilqa’ kull ħajja ġdida u

tiġi żgurata l-aħjar kura u appoġġ għan-nisa u t-trabi tagħhom.

Fi tmiem l-attività li għalija attendew bosta żgħażagħ, anzjani u familji ndaqq l-innu Malti.