Il-fażi ġdida tal-offensiva mill-militar ta’ Iżrael fuq Gaza qed tikkonċentra dejjem aktar fuq l-inħawi lejn in-Nofsinar tat-territorju kontrollati mill-grupp Ħamas.
U filwaqt li l-gwerra qed tirranka wara pawża ta’ ġimgħa, l-Iżraeljani jemmnu li l-konflitt mat-terroristi Palestinjani kapaċi jdum talanqas sena – b’Iżrael jagħmilha ċara wkoll li qed jipprova jimminimizza kemm jista’ l-ammonti tal-vittmi ċivili li spiċċaw litteralment ‘ostaġġi tal-Ħamas’ f’din is-stwazzjoni.
Il-militar Iżraeljan spjega li qed jikkonċentra l-attakki fuq iċ-ċentri tal-kmand, il-qawwiet navali u l-ħażniet tal-armamnenti tal-Ħamas mindu, nhar il-Ġimgħa, kellu jikkrolla l-ftehim għall-waqafien mill-ġlied mat-terroristi.
Mark Regev, il-konsulent ewlieni għall-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li filwaqt li Iżrael qed jagħmel dak kollu possibbli biex jevita l-imwiet fost iċ-ċivili f’Gaza, is-sitwazzjoni saret aktar ikkumplikata minħabba li l-Ħamas qed jikkonsolida ċ-ċentri tal-kmand flimkien mal-‘magna tat-terrur’ qalb in-neighbourhoods iffullati bil-familji.
Intant, l-Istati Uniti repetiet li Iżrael għandu d-dritt li jiddefendi lilu nnifsu kontra t-terrur anki waqt li enfasizzat li l-militar Iżraeljan għandu responabbiltà morali biex jipproteġi liċ-ċivili.
Il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Kamala Harris, qalet li diġà mietu ż-żejjed tal-Palestinjani f’din il-gwerra filwaqt li esprimiet niket għall-effetti devastanti tal-konflitt fuq il-familji innoċenti f’Gaza.
Dan waqt li r-residenti ta’ Khan Younis, belt ewlenija f’Gaza, qalu li huma, fl-aħħar tal-ġimgħa, kellhom isofru l-aktar bumbardament qalil mill-bidu tal-gwerra, fis-7 ta’ Ottubru, meta t-terroristi tal-Ħamas attakkaw lil Iżrael u qatlu 1,200 – b’240 oħra jispiċċaw ostaġġi.
U minn dakinar ‘il hawn, inqatlu ‘il fuq minn 16,000 fil-Medda ta’ Gaza fost l-attakki ta’ ritaljazzjoni mill-Armata ta’Iżrael.
//= $special ?>