Lokali

“Il-poplu għandu jieħu dak li jistħoqqlu” – Il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione

“Il-poplu għandu jieħu dak li jistħoqqlu” Hekk stqarr il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, meta l-Ħadd filgħodu indirizza l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Hekk kif kompla jgħid illi huwa importanti illi l-Partit Nazzjonalista jispjega kif it-tlett mozzjonijiet illi ġew ippreżentati fil-Kunsill Ġenerali joħolqu ħolqa kontinwa ta’ ħidma. Hu spjega li fejn hemm governanza tajba, hemm reputazzjoni tajba li tirriżulta f’investiment, iżda fejn hemm governanza ħażina hemm reputazzjoni ħażina, u għalhekk jsarraf f’investiment minn persuni illi għandhom reputazzjoni ħażina. Konsegwenza ta’ dan, tista’ tinbet mentalità illi tiġġustifika sitwazzjonijiet li qatt ma għandhom ikunu ġustifikabbli.

Fid-diskors tiegħu, Alex Perici Calascione stqarr illi huwa għalhekk illi bil-governanza tajba biss jinbena pedament sod, illi jista’ jsarraf f’mudell ekonomiku ġdid. Hekk kif spjega ukoll illi hemm l-obbligu illi ssir viżjoni ta’ eċċellenza.

Huwa spjega ukoll kif l-mozzjonijiet li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista huma kredibbli u eċċellenti minħabba erba’ valuri implimentati mill-Partit Nazzjonalista, li jinkludu amministrazzjoni ambjentali, responsabbiltà soċjali, governanza tajba u prosperità ekonomika.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, għaraf illi hemm bżonn ta’ ekonomija li twassal il-ġid lil kull individwu fis-soċjetà u mhux ekonomija li twassal lis-sinjur iżjed il-fuq u l-fqir iżjed l-isfel.

Huwa fakkar li dan huwa l-mument tal-pajjiż, u huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista huwa preżenti, lest u determinat sabiex mill-ġdid f’pajjiżna tirrenja d-diċenza, u li jirrenja s-suċċesss ekonomiku. Dan filwaqt li saħaq li permezz tal-ħidma tal-Partit Nazzjonalista l-poplu jieħu dak li jistħoqqlu.