Kittieba jistennew li Clifton Grima jassigura li tintrefa’ r-responsabbiltà għal dak li nkiteb fil-konfront tagħhom
Diversi fatturi fil-jiem li għaddew ikkaratterizzaw l-impenn tal-kittieba u l-awturi Maltin privi minn fondi finanzjarji sodi li jinkoraġġuhom biex jissoktaw jiktbu u jippubblikaw ix-xogħlijiet tagħhom f’suq żgħir iżda fl-istess waqt wieħed b’saħħtu ferm.
Il-kittieba u l-awturi Maltin jistennew sostenn bis-serjetà mill-Gvern Laburista li biex iparla u jiftaħar u jagħmel eżerċizzji ta’ marketing jiġi l-ewwel, iżda mbagħad meta jiġi għas-sustanza u l-affarijiet li tassew jgħoddu ma jibdiex.
Hekk ukoll fir-rigward tal-kittieba u l-awturi Maltin, dan hu Gvern Laburista li jixxaħħaħ u ma jagħtix eżempju konkret ta’ kif għandu jirrikonoxxi ħidmet il-kittieba u l-awturi Maltin billi jrawwem fostna tkabbir kulturali fis-suq lokali tal-kotba. Il-Gvern Laburista, bil-fatti u mhux bil-paroli, imissu jkun katalist fir-rwol ewlieni tiegħu bħala aġent kulturali u allura jkun ta’ kontribut proattiv u progressiv għall-iżvilupp kulturali, edukattiv u intellettwali tas-soċjetà Maltija.
Iżda f’dan kollu l-fondi finanzjarji mistennija li jinħarġu mill-Gvern bħala sostenn għall-istess kittieba u awturi Maltin jagħmlu differenza kbira ħafna… xejn xejn ma jkunx hemm min jiddeskrivi din is-sitwazzjoni lill-istess kittieba u awturi bħala li qegħdin “jitqaħbu” biex imexxu ’l quddiem ix-xogħlijiet tagħhom bl-iskop li jkunu pubblikati u jsibu ruħhom fuq l-ixkafef tal-kotba.
“Inaċċettabbli fil-veru sens tal-kelma li impjegata tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) li jaqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Edukazzjoni tindirizza u tiddeskrivi lill-kittieba Maltina bħala “qħab” u l-Ministru Clifton Grima, l-inqas mistenni minnu, kien li jieħu passi u ġġiegħel lil din l-impjegata terfa’ r-responsabbiltà għal għemilha u twarrab mill-istess Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.”
Dan hu l-messaġġ ta’ għadd ta’ kittieba Maltin li fil-jiem li għaddew avviċinaw lil Il-Mument u tkellmu magħna dwar dak li ġara fil-jiem ta’ qabel meta impjegata tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, f’messaġġ tagħha fuq il-midja soċjali, spiċċat biex sejħet lill-kittieba bħala “qħab”.
Fost l-oħrajn dwar dan l-atteġġjament xejn professjonali u inaċċettabbli, intervjena wkoll Immanuel Mifsud li hu kittieb tal-proża u l-poeżija u li għal xi żmien kien imdaħħal ukoll fit-teatru sperimentali.
Fi stqarrija li għamel fil-midja soċjali, Immanuel Mifsud fisser li: “Segwejt dak li ġara, fl-hekk imsejħa dinja letterarja lokali, dawn l-aħħar ġimgħat, bil-pubblikazzjoni ta’ blogg anonimu u mbagħad l-iżvilupp tassew interessanti ta’ kritiku jikteb reċensjoni ta’ ktieb li ħarġet l-għarusa tiegħu u, l-att segwenti li din l-għarusa sejħet lill-kittieba “qħab”.
Hu fisser li: “Il-fatt li din il-persuna – Jasmine Bajada – hija impjegata tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), irendi l-aġir tagħha bħala wieħed gravi ħafna. Tradizzjonalment il-kittieba ħarsu lejn il-KNK bħala l-entità li b’xi mod tirrappreżentahom, u qisuha u stennewha li tirrispondi għall-ħtiġiet tagħhom. Iżda l-fehma qawwija espressa mis-Sa Jasmine Bajada, impjegata tal-istess Kunsill, mhux biss għandha timbarazza lill-Kunsill imma tikxifha bħala persuna irresponsabbli u mhux idonea għall-pożizzjoni li għandha.
“Filwaqt li nifhem li llum (29 ta’ Novembru) il-KNK ħareġ stqarrija li biha għamel l-apoloġija, għalija personali, bħala kittieb, l-azzjoni tal-KNK mhijiex biżżejjed. L-ewwel: l-apoloġija mhux il-KNK irid jagħmilha imma s-Sa Bajada. It-tieni: lanqas jekk din il-proxxmu tistqarr id-dispjaċir għad-diskors immatur tagħha mhu biżżejjed. Jien qiegħed nippretendi li, bħala uffiċjal ta’ entità pubblika, iffinanzjata mill-Gvern u allura mit-taxxi tagħna, l-unika ħaġa li għandha tagħmel hi li terfa’ r-responsabbiltà, tagħmel apoloġija u tagħti r-riżenja tagħha.”
Immanuel Mifsud enfasizza li: “Għaldaqstant, sakemm Jasmine Bajada tibqa’ tokkupa l-pożizzjoni tagħha fil-KNK, se nsibha diffiċli li nkompli nuri l-fiduċja tiegħi f’din l-entità li suppost għandha tispira fiduċja fil-kittieba kollha, kemm dawk li ġew akkużati bi prostituzzjoni u kemm dawk li ma ġewx.
Iddeċidejt li nagħmel din l-istqarrija mhux biss għax ninsab urtat ħafna b’dak li qalet Jasmine Bajada, imma għax fl-istqarrija tiegħu, il-KNK stess ħeġġeġ lill-kittieba għal “djalogu miftuħ”, u dan “għat-titjib tal-ekosistema (?) letterarja lokali”.
“Nistenna l-apoloġija u r-riżenja mill-KNK ta’ min għajjar lill-kittieba “qħab”,” temm jgħid Immanuel Mifsud.
B’rabta mar-reazzjoni ta’ ħafna mill-kittieb Maltin u Għawdxin li bir-raġun kollu ħadu għalihom dwar il-mod kif impjega tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb indirizzathom, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fi stqarrija fisser li hu kontinwament iħabrek biex irawwem ambjent pożittiv u ta’ sapport fl-industrija Maltija tal-ktieb, jippreżenta l-interessi tal-kittieba u l-pubblikaturi, u jippromwovi l-imħabba għall-qari fil-forom varji tiegħu. Jisgħobbina minn qalbna dwar l-inċident fl-aħħar jiem fuq il-mezzi soċjali li fih kienet involuta waħda mill-impjegati tagħna.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fl-istqarrija tiegħu żied jassigura lill-imsieħba tagħna, lil dawk li jsegwuna u lill-pubbliku li dil-kwistjoni ġiet indirizzata internament. L-impjegata inkwistjoni hija ddedikata fl-irwol li għandha fil-Kunsill. Il-KNK ħerqan li jaħdem mal-imsieħba fl-industrija sabiex jiżgura l-inklussività u l-ġustizzja fl-ambjent letterarju Malti.
Żied li: “Napoloġizzaw bis-sinċerità kollha jekk kien hemm xi persuni mweġġgħin mill-komunità tal-kittieba jew il-pubbliku. Qed inqisu din bħala opportunità għal trawwim aħjar ta’ sapport u trasparenza minn issa ’l quddiem. Il-KNK kommess li jservi lil nies minn kull sfond u li jippromwovi ilħna diversi mill-komunità letterarja biex l-orizzonti kulturali tagħna jitjiebu.”
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb żied li: “Għal li ġej, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jkun qed idaħħal korsijiet ta’ taħriġ għall-istaff sabiex tissaħħaħ l-imġiba professjonali u rispettuża fl-interazzjonijiet kollha tagħna, speċjalment dawk fid-dinja tal-online. Se nkunu qed nirrevedu l-politiki tagħna dwar il-midja soċjali biex xi ħaġa hekk ma tirrepetix ruħha.
“Napprezzaw is-suġġerimenti li rċevejna mill-komunità tal-kotba, u nħeġġu djalogu miftuħ mal-kittieba, pubblikaturi, edituri, tradutturi u illustraturi Maltin sabiex sitwazzjonijiet simili jkunu indirizzati aħjar u sabiex insaħħu l-ħidma tagħna ma’ ħaddieħor għat-titjib tal-ekosistema letterarja lokali.”
Issegwi din il-pożizzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, messaġġ ta’ apoloġija minn Jasmine Bajada li skużat lilha nnifisha għal dak li kitbet fil-midja soċjali b’indirizz lejn l-istess kittieba u awturi Maltin.
Sadattant minn stħarriġ li għamel Il-Mument jirriżulta li kien f’Awwissu ta’ din is-sena meta l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kien ħabbar l-ingaġġ ta’ Jasmine Bajada fl-irwol ta’ manager, u fost l-oħrajn se tkun qed taħdem mal-bqija tat-tim fl-organizzazzjoni tal-avvenimenti, il-konkorsi, il-fondi, u l-inizjattivi ewlenin li l-KNK ikollu ta’ kull sena. Bajada studjat l-Ingliż u l-Malti fl-Università ta’ Malta u kisbet Maġisteru fil-letteratura u l-kritika Ingliża.
Dakinhar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kien qal li Jasmine Bajada matul l-aħħar sentejn, ħadmet bħala riċerkatriċi u lettriċi fi ħdan l-istess università. L-esejs kritiċi u r-reċensjonijiet tagħha dehru f’diversi rivisti internazzjonali fosthom Fourth Genre u CounterText. Tikteb ukoll poeżiji bil-Malti u l-aħħar xogħol tagħha ġie ppubblikat f’Modern Poetry in Translation.
//= $special ?>