Lokali Qorti

Sentenza sospiża minflok ħabs effettiv wara li għamel progress biex jaqta’ l-vizzju

Raġel li mporta l-eroina u l-kokaina fl-2007 ġie meħlus minn sentenza ta’ ħabs effettiv wara li qorti tad-droga semgħet kif kien qed jagħmel progress notevoli biex jaqta’ l-vizzju u ngħata sentenza sospiża. L-Imħallef Neville Camilleri, li jippresiedi l-qorti tal-appell kriminali, sema’ kif Clifford Bonnici ta’ 38 sena, minn Birkirkara, kien qed jattendi sessjonijiet ta’ rijabilitazzjoni mid-droga mal-Caritas u nstab li l-kampjuni tal-awrina tiegħu kienu ħielsa mid-droga.

Bonnici kien ingħata sentenza ta’ sena ħabs u mmultat €1,000 wara li nstab ħati li importa eroina u li kellu fil-pussess tiegħu d-droga li nstabet fi stat li turi li ma kinitx għall-użu personali tiegħu. Il-Qorti semgħet kif Bonnici kien iwaqqaf mal-wasla tiegħu Malta bil-Catamaran minn Sqallija.

Fil-pakkett tas-sigaretti li kien qed iġorr instabet biċċa foil b’sustanza. L-uffiċjali tad-dwana talbuh jiftaħ ħalqu u nnutaw li kien hemm xi sustanza taħt ilsienu. Huwa ġie arrestat u, fl-istqarrija tiegħu, għażel li ma jwieġeb għal ebda mistoqsija li saritlu.

Huwa ttieħed l-isptar fejn scans fl-addominali tiegħu ma kienu taw l-ebda riżultat. Ġewwa l-foil, l-esperti sabu 0.127 gramma kokaina filwaqt li ġewwa pakkett sigaretti kien hemm 7.918 gramma eroina.

Il-qorti tal-appell laqgħet talba biex il-qorti tinbidel f’qorti tad-droga biex tisma’ dwar il-progress tal-akkużat. Rappreżentanti mill-Caritas xehdu li Bonnici kien attenda għall-appuntamenti kollha tiegħu u kien qed isegwi l-pjan ta’ kura. Il-kampjuni kollha tal-awrina rriżultaw negattivi għad-drogi.

Fid-dawl tal-progress li għamel, l-Imħallef Camilleri biddel il-ħabs effettiva f’sentejn probation, biex ikompli jiġi segwit minn professjonisti. Madankollu, ma sabet l-ebda raġuni biex tirrinunzja għall-multa.
L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb kienu l-avukati difensuri.