Lokali

Jitlaqqa’ il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista

Illum il-Partit Nazzjonalista laqqa’ l-Kunsill Ġenerali, bit-tema ta’ ‘Ħajja aħjar f’Pajjiżna’ fejn ġew diskussi tlett mozzjonijiet; l-għoli tal-ħajja, l-governanza t-tajba u l-mudell ekonomiku b’viżjoni ta’ eċċellenza.

Waqt il-Kunsill Ġenerali, id-deputat tal-Partit Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia tkellem fuq kif il-Partit Nazzjonalista se joħloq il-ġid filwaqt li jsaħħaħ il-ġid soċjali. Huwa insista ukoll illi l-Partit Nazzjonalista se jkompli l-ħidma tiegħu biex joħloq xogħol ta’ kwalità filwaqt li stqarr ukoll li l-ambjent se jingħata importanza, b’differenza għal dak li qed jagħmel il-Partit Laburista fil-Gvern.

Censu Galea kunsillier tal-Partit Nazzjonali, iddiskuta kif dawn it-tlett mozzjonijiet se jagħtu direzzjoni ċara tal-ħidma tal-Partit Nazzjonalista. Hekk kif appella illi huwa importanti li kull individwu jsemma’ leħnu, u għalhekk joħroġ jivvota, u li hija responsabbiltà tal-politiċi sabiex jindirizzaw il-fatt illi numru ta’ persuni se jastjenew milli jivvotaw. Censu Galea saħaq ukoll illi l-Kunsilli Lokali għandom jingħataw iżjed poter għall- ġid tas-soċjetà.

Indirizzat il-kunsill ukoll id-deputat Eve Borg Bonello, illi bdiet id-diskors tagħha billi tenniet illi l-Partit Nazzjonalsita huwa t-tama tal-poplu Malti, filwaqt li stqarret illi l-politiċi m’għandhomx jinżlu għal-livell tan-nies, għaliex in-nies mhumiex taħt il-politċi iżda huma sidien tal-poter filwaqt li insistiet ukoll li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem għal eċċellenza f’pajjiż li huwa tant għal qalbu.

Fl-istess sessjoni tkellem ukoll Toni Bezzina, deputat tal-Partit Nazzjonalista, li stqarr li wieħed mill-pilastri tal-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista huwa l-ambjent, u huwa għalhekk illi l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex dan il-pilastru jibda jkun fiċ-ċentru tal-ħidma għall-ambjent, dan wara l-isfreġju totali illi qed jagħmel il-Gvern ta’ Robert Abela.

Alex Borg, id-deputat tal-Partit Nazzjonalista, iddiskuta kif il-viżjoni ċara u fit-tul tal-Partit Nazzjonalista se tkun qed tħalli impatt pożittiv fuq pajjiżna. U huwa għalhekk illi l-Partit Nazzjonalista huwa alternattiva tajba għall-Gvern ta’ Robert Abela, alternattiva li toffri t-tama li tant għandu bżonn il-poplu Malti u Għawdxi. Hekk kif appella illi fejn ikun hemm l-għaqda, jkun hemm is-saħħa.

Fid-diskors tiegħu, Beppe Fenech Adami, insista illi l-Partit Nazzjonalista jrid ħajja aħjar f’pajjiżna għaċ-ċittadini Maltin, għall-kuntratju tal-Gvern Laburista, illi qed jippermetti kollass f’diversi sistemi inkluż l-isptar mentali, li huwa minsi sena wara sena u l-kollass fis-sistema tas-saħħa Maltija. Fejn stqarr ukoll illi l-Partit Nazzjonalista jrid ħajja aħjar għaż-żgħażagħ sabiex ma jitilqux minn pajjiżna, filwaqt li jrid illi tiġi indirizzata ukoll il-problema serja tat-traffiku. Ħajja aħjar illi tista tiġi mwassla bil-ħidma tal-Partit Nazzjonalista.

Claudette Buttiġieġ, deputat Nazzjonalista, fid-diskors tagħha tkellmet fuq il-middle class ġdida li wiegħed il-Gvern ta’ Joseph Muscat, middle class illi setgħet twassal sabiex ħafna nies joħorġu mis-sitwazzjoni finanzjarja iebsa li kienu fiha. Iżda għall-kuntraju inħolqot klassi iżjed baxxa, tal-iskjavitu modern, klassi illi kompliet tikber taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela. Fid-diskors tagħha hi stqarret ukoll illi pajjiżna jirrikjedi viżjoni fit-tul, viżjoni li qed tiġi offruta mill-Partit Nazzjonalista li twassal sabiex jirrenja l-ġid komuni.

Kelliem ieħor kien id-deputat Mario DeMarco, li tkellem fuq il-kollass totali illi qed joħloq il-Partit Laburista fil-Gvern, f’diversi istituzzjonijiet inkluż fil-qrati u s-sistema tas-saħħa. Huwa għalhekk illi huwa insista illi b’umilta l-Partit Nazzjonalista għandu jirrifletti fuq il-ħidma tiegħu sabiex jiġbor il-fiduċja tal-poplu billi jfisser dak li jemmen fih il-Partit Nazzjonalista.

Fl-istess kunsill tkellem ukoll, Ryan Callus, id-deputat Nazzjonalista, li tkellem fuq l-inklużjoni u kemm hu importanti illi tkun fiċ-ċentru tal-ħidma tal-politiċi inkluż fl-infrastruttura. Filwaqt li tkellem ukoll fuq kif jħares sabiex il-poplu jkun f’kumdità, bil-pensjonanti jibdew it-tieni fażi ta’ ħajjithom f’serenità, biż-żgħażagħ jibqgħu jkabbru l-familji tagħhom f’pajjiżna filwaqt li l-pajjiż ikollu sistema tas-saħħa li tlaħħaq. Huwa stqarr ukoll illi dan kollu kapaċi jsir bil-viżjoni ta’ eċċellenza tal-Partit Nazzjonalista għall-pajjiż Malti.

Tkellmet ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-MZPN, Nicole Portelli, li ddiskutiet in-nuqqas ta’ direzzjoni li għandu l-Partit Laburista, li telqet il-pajjiż fi kriżi. Kriżi illi qed tiġi indirizzata mill-Partit Nazzjonalista, hekk kif dan il-partit huwa partit magħmul minn nies, għan-nies. Hekk kif stqarret ukoll illi ż-żgħażagħ jista’ jkollhom viżjoni u idejat friski, u huwa għalhekk li għandhom ikunu parti mid-diskussjonijiet f’pajjiżna. Filwaqt li stqarret ukoll illi l-Partit Nazzjonalista biss, huwa l-partit illi se jerġa joħloq l-integrità fis-soċjeta ta’ pajjiżna.

Fl-istess sessjoni tkellmet ukoll il-kandidat għall-elezzjoniji tal-MEPs Louise Anne Pulis, li bdiet id-diskors tagħha billi fakkret fir-roadmap li wiegħed il-Partit Laburista taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, wegħda illi sfat f’impatt negattiv hekk kif inħatfu l-istituzzjonijiet. Ħtif li għadu għaddej sa issa taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, bl-għola istituzzjonijiet fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jagħlqu għajnejhom quddiem il-kriminalità tal-Gvern tal-Labour. Hi stqarret illi l-Partit Nazzjonalista se jkun qed ikompli bil-ħidma tiegħu għall-ġustizzja hekk kif joffri alternattiva ġusta.

David Agius, deputat tal-Partit Nazzjonalista u kandidat għall-elezzjonijiet tal-MEPs, fid-diskors tiegħu stqarr illi l-politika hija għodda li biha jsir ħafna ġid, u li twassal għall-ġid komuni meta tintuża kif suppost. Huwa stqarr kif il-Gvern Laburista, huwa totalment il-kontra ta’ dak li hija l-politika, u kif l-iżbalji tiegħu jirriflettihom fuq il-poplu. Fid-diskors tiegħu huwa stqarr illi hija responsabbiltà tal-poplu u l-politiku ġenwin sabiex dan ma jibqax iseħħ. Fejn stqarr ukoll, illi l-Partit Nazzjonalista u t-tim kuraġġuż tiegħu, lest illi jaħdem sabiex il-pajjiż dejjem jimxi ‘l quddiem.

Kandidat ieħor għall-elezzjonijiet tal-MEPs Norma Camilleri, fl-indirizz tagħha tkellmet fuq il-faqar illi qed jara żieda fil-pajjiż Malti, filwaqt li tkellmet ukoll fuq l-ippjanar għaqli tat-toroq li hawn tant bżonn għalih, l-isfreġu fuq l-ambjent u n-nuqqas ta’ prijorità tas-saħħa mentali. Hi spjegat li minflok jiġu indirizzati dawn il-kriżijiet, il-Gvern jonfoq u jberbaq l-flus fil-korruzzjoni. Filwaqt li spjegat ukoll illi l-valuri huma l-pilastri sabiex l-pajjiż ikun dejjem aħjar. Huwa għalhekk illi l-Partit Nazzjonalista huwa s-soluzzjoni għall-pajjiż.

Intant, il-Kunsill Ġenerali fil-bidu sellem il-memorja ta’ Jean Paul Sofia, fl-għeluq is-sena mill-mewta traġika taż-żagħżugħ ta’ 20 sena.