Lokali

“Kwalità ta’ ħajja aħjar f’pajjiżna tinkiseb b’governanza tajba u b’integrità fil-politika” – Michael Piccinino

Il-Partit Nazzjonalista dalgħodu se jorganizza Kunsill Ġenerali bit-tema ‘Ħajja Aħjar f’Pajjiżna’ li fih se jkunu mressqa u diskussi tliet mozzjonijiet importanti: waħda bit-tema dwar il-governanza tajba u l-integrità fil-politika; it-tieni dwar it-trażżin tal-għoli tal-ħajja; u t-tielet dwar il-ħtieġa ta’ mudell ekonomiku ġdid u vijabbli.

Dan hu Kunsill Ġenerali statutorju li se jkun qiegħed jiġi organizzat fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u li se jintemm b’diskors mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Dwar dan il-Kunsill Ġenerali ‘Ħajja Aħjar f’Pajjiżna’ tkellimt ma’ Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li fisser li jekk f’pajjiżna f’dan il-mument tal-istorja tiegħu hawn tliet oqsma li qegħdin iħassbu tassew lill-Maltin u lill-Għawdxin, dawn huma proprju dawk tal-ħtieġa ta’ governanza tajba u l-integrità fil-politika; il-ħtieġa li l-għoli tal-ħajja jkun imrażżan b’mod effettiv għaliex qiegħed jikkaġuna ħafna tbatijiet; u l-ħtieġa ta’ mudell ekonomiku ġdid li tassew ikun jirrifletti l-bżonnijiet ta’ pajjiżna llum.

Governanza tajba u integrità fil-politika

Bdejna biex tkellimna dwar il-mozzjoni dwar il-governanza tajba u l-integrità fil-politika u Michael Piccinino spjega li din il-mozzjoni titkellem dwar l-importanza ta’ dawn iż-żewġ elementi magħquda flimkien… il-governanza tajba u l-integrità fil-politika.

Michael Piccinino qal li kulħadd jaf x’qiegħed jiġri f’pajjiżna fejn għandna Gvern Laburista li litteralment jiġi jaqa’ u jqum mill-governanza tajba u mill-integrità fil-politika. Għall-Partit Nazzjonalista dawn iż-żewġ elementi huma essenzjali biex bħala soċjetà jkollna demokrazija b’saħħitha u li tirnexxi.

Hu fisser li l-mozzjoni tfakkar kif:

1. Fl-aħħar snin komplew jiżdiedu l-iskandli u l-każijiet ta’ korruzzjoni, fosthom fl-għoti tal-liċenzji tas-sewqan u fl-għoti tal-benefiċċju għad-diżabbiltà severa.

2. S’issa l-Gvern ma ħa l-ebda inizjattiva biex idaħħal fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet li għamlu t-tliet Imħallfin fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

3. Il-Gvern bidel il-liġi dwar il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u ħatar lil min ried hu biex ikun jista’ jipproteġi lill-politiċi Laburisti mill-konsewgenzi tal-iskandli u l-abbużi li jwettqu.

4. Fil-każ tal-Vitals u Steward esponenti għolja tal-Gvern instabu ħatja li wettqu frodi mal-barranin ta’ aktar minn €400 miljun mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi. Joseph Muscat, Robert Abela, Konrad Mizzi, Chris Cardona, Chris Fearne, Keith Schembri, Edward Scicluna u Clyde Caruana huma kompliċi f’dan il-frodi li l-Qorti kkundannat mill-bidu sal-aħħar.

5. Il-Gvern instab ħati minn inkjesta li ħatar hu stess li falla milli jipproteġi lil Bernice Cassar, vittma ta’ vjolenza domestika li nqatlet nhar it-22 ta’ Novembru 2022.

6. L-Avukat Ġenerali qiegħda tagħmel falliment wieħed wara l-ieħor fil-prosekuzzjoni, minħabba inkompetenza jew agħar minn hekk b’kompliċità tal-Avukat Ġenerali f’każijiet serji, u naqset milli tipproċedi kontra politiċi li huma nvoluti f’każijiet serji ta’ korruzzjoni, abbuż ta’ poter, frodi u ħasil ta’ flus. Il-Gvern interessat biss li jibqa’ jikkontrolla lill-Avukat Ġenerali biex ma tieħux passi kontra il-politiċi tal-Partit Laburista u tal-Gvern Laburista.

7. Is-sitwazzjoni fil-Qrati ta’ pajjiżna laħqet sitwazzjoni ta’ kriżi minħabba n-nuqqas ta’ investiment fir-riżorsi umani u l-infrastruttura tal-bini tal-Qorti, tant li nhar it-2 ta’ Ottubru 2023, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti qal: “is-sitwazzjoni hi tali li fl-umli fehma tiegħi tekwivali għal emerġenza fil-qasam ġudizzjarju li jeħtieġ tiġi indirizzata bl-urġenza meħtieġa”, kif ukoll “numru ta’ ġudikanti qed iżommu wiċċhom il-fuq mill-ilma imma bl-eżatt.”

Michael Piccinino hawnhekk fisser li f’dan l-isfond il-mozzjoni tfakkar fi stqarrija li ħarġet nhar it-2 ta’ Novembru 2023, meta l-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u tal-Maġistrati ta’ Malta kienet qalet:

“L-Assoċjazzjoni tilmenta n-nuqqas persistenti tal-awtoritajiet li jindirizzaw, bi pjan fit-tul, il-problemi akuti fi ħdan il-Qrati, liema problemi issa huma ferm lil hinn minn livell aċċettabbli, li jinsabu f’xifer il-kollass, u tinsisti li meta wieħed iqis iż-żieda li dejjem qed tiżdied popolazzjoni u xogħol tal-Qrati, sakemm l-awtoritajiet ma jinvestux bis-serjetà f’persunal kompetenti u riżorsi adegwati, il-Ġudikatura qatt ma tkun tista’ tipprovdi s-servizz li huma mitluba u mistennija li jipprovdu.”

Hu enfasizza li f’din il-mozzjoni l-Partit Nazzjonalista jiddikjara li jemmen li kull min jiġi fdat bil-poter hu obbligat li jiggverna bi trasparenza, korrettezza u integrità: b’governanza tajba. Il-poplu jistħoqqlu gvern li jimxi skont dawn il-prinċipji.

Soċjetà tkun tassew demokratika jekk l-istituzzjonijiet tagħha jaħdmu kif suppost, b’mod awtonomu u indipendenti u għalhekk mingħajr indħil mill-politiċi.

Michael Piccinino kompla jispjega li l-Gvern Laburista kisser l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, waħda wara l-oħra, bi pjan u bi skop. Minflok istituzzjonijiet li jipproteġu liċ-ċittadin b’mod individwali u lis-soċjetà b’mod kollettiv, il-Gvern Laburista ħataf il-kontroll tal-istituzzjonijiet u ġabhom servili lejh biss.

Sa mill-ewwel jum tal-Gvern Laburista beda jitwettaq pjan biex l-Armata, il-Pulizija, u l-Avukat Ġenerali jkunu taħt il-kontroll tal-Gvern. Il-Qrati mill-banda l-oħra qed iħallihom jegħrqu, mingħajr riżorsi u mingħajr investiment, għax jaf li hija istituzzjoni li ma rnexxielux jikkontrolla.

Hu fisser li l-mozzjoni tkompli tagħmilha ċara li sistema ta’ ġustizzja ineffiċjenti u ineffettiva hija piż inġust fuq il-familji u n-negozji, iddgħajjef ilkompettività ta’ pajjiżna u tkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Meta l-Gvern ma jinvestix fis-sistema tal-Ġustizzja f’pajjiżna jkun qed jagħżel li ma jirrispettax is-saltna tad-dritt u jkun qed ixekkel liċ-ċittadini fit-tgawdija tad-drittijiet tagħhom.

Michael Piccinino kompla li l-poplu hu inkwetat dwar kif il-Gvern Laburista sar jitratta l-Parlament, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Il-Gvern Laburista jqis u jitratta lill-Parlament bħala istituzzjoni li qegħda hemm biex tiddiskuti u tapprova biss dak li jrid il-Gvern.

Pajjiżna għandu gvern li jibża’ japprova l-abbozzi u l-proposti tal-Oppożizzjoni għal governanza aħjar; jibża’ għax għandu x’jaħbi. Dan hu Gvern li jibża’ mill-proposti tal-Oppożizzjoni għal riforma tal-Parlament u tal-proċeduri tal-Parlament għaliex ma jridx aktar skrutinju dwaru nnifsu.

Hu qal li din il-mozzjoni tfisser ukoll kif il-korruzzjoni fniet lil pajjiżna. Il-korruzzjoni saret l-ordni tal-ġurnata b’rapporti sħaħ u b’mod kontinwu fil-mezzi tax-xandir li fihom tispikka n-nuqqas ta’ rieda politika mill-Gvern Laburista li jaġixxi b’mod deċiżiv u qawwi kontra l-korruzzjoni. Anzi, il-korruzzjoni f’pajjiżna reġgħet saret istituzzjonalizzata.

Hu qal li għalhekk ukoll il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jisħaq li għandhom jiġu mplimentati rrakkomandazzjonijiet kollha tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, billi fost l-oħrajn fil-Kostituzzjoni jkunu elenkati d-dmirijiet ta’ Gvern interim (caretaker), fil-Kodiċi Kriminali jiżdied ir-reat ta’ intraċċ tal-Ġustizzja, ikunu introdotti reati ġodda dwar meta Uffiċjal Pubbliku b’mod doluż jonqos minn dmiru, ikun introdott reat ġdid dwar il-kriminalità organizzata billi jipprovdi għall-assoċjazzjoni kriminali ta’ bixra mafjuża, l-Att dwar il-Money Laundering jipprovdi għall-ħruġ ta’ Unexplained Wealth Orders, fl-Att dwar il-Media u l-Malafama tiżdied protezzjoni kontra kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP suits).

Hu żied li flimkien ma’ dawn, il-Partit Nazzjonalista jappoġġa bis-sħiħ numru ta’ proposti li saru mill-OECD dwar it-tisħiħ tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, li ħafna minnhom huma fl-istess spirtu ta’ numru ta’ proposti li għamel il-Partit Nazzjonalista stess dwar dan, u li jinkludu wkoll tibdil fil-mod kif inhu kompost il-Kumitat Parlamentari li jaqa’ taħt dan l-Att, biex l-Istandards mistennija mill-politiċi jogħlew.

Filwaqt li qal li din il-mozzjoni twiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ determinat li jiġġieled il-korruzzjoni u għalhekk se jibqa’ jinsisti għal invetsigazzjonijiet serji u qawwija dwar każijiet ta’ korruzzoni, Michael Piccinino żied li kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista li mar quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna bl-informazzjoni dwar il-korruzzjoni u għalhekk kien il-Partit Nazzjonalista li ppropona riformi u abbozzi ta’ liġijiet biex jissaħħu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Hu temm li din il-mozzjoni tagħlaq billi tenfasizza l-ħtieġa ta’ fiduċja ġdida fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u jeħtieġ fiduċja ġdida fl-integrità tal-politiċi li jirrappreżentawna.

L-isfida tal-għoli tal-ħajja

Hawnhekk tkellimna dwar it-tieni mozzjoni li se tkun qegħda tiġi diskussa dalgħodu… dik dwar l-għoli tal-ħajja u Michael Piccinino qal li din hi realtà li qegħda taffettwa l-kwalità tal-ħajja u l-livell tal-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Qegħda taffettwa partikolarment lin-nies vulnerabbli li għandhom dħul baxx u medju, hekk kif l-aktar affarijiet li qed jintlaqtu bl-inflazzjoni huma bżonnijiet ta’ kuljum bħal ikel u mediċini.

Parti minn din l-inflazzjoni hija bla dubju attribwita għall-gwerra fl-Ukrajna. Però wieħed irid jiftakar li f’Malta din il-problema bdiet terfa’ rasha ħafna qabel ma faqqgħet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna fi Frar 2022.

Michael Piccinino fisser li l-mozzjoni tfakkar kif minn Diċembru tal-2020 sa Diċembru tal-2021, l-indiċi tal-prezzijiet tal-ikel irreġistra żieda ta’ 5.24 fil-mija. L-inflazzjoni, b’mod globali, żdiedet bi 2.6 fil-mija fl-istess perjodu.

Il-Foodbank Lifeline Foudation, li tipprovdi ikel lil nies fil-bżonn, ukoll kienet ikkonfermat li tul l-2021 biss xirja normali ta’ ikel żdiedet bi 13 fil-mija fil-prezz.

Hu qal li fl-istess żmien, NGO oħra li tagħmel xogħol ma’ nies vulnerabbli – il-YMCA – kienet ikkonfermat li xirja normali ta’ bżonnijiet sanitarji personali bażiċi kienet żdiedet minn €85 għal €110 f’qasir żmien. Fl-istess żmien kienu ttriplikaw in-nies bla saqaf fuq rashom meta mqabbel ma’ sentejn qabel.

Dan jikkonferma li l-problema tal-għoli tal-ħajja ma kibritx biss minħabba effetti internazzjonali li ġraw matul l-2022, imma f’pajjiżna kibret ħafna iżjed minħabba l-politika tal-Gvern Laburista fis-snin ta’ qabel.

Michael Piccinino kompla li l-mozzjoni fil-fatt tgħid li anke meta wieħed iqabbel l-inflazzjoni f’pajjiżna mal-inflazzjoni fil-kumplament tal-pajjiżi Ewropej, jinduna li minkejja li f’Malta iż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija kkawżati mill-gwerra fl-Ukrajna kienu sussidjati, u allura ma kellhomx effett fuq l-indiċi tal-prezzijiet, xorta waħda kellna rata ta’ inflazzjoni simili mal-kumplament tal-Ewropa fejn l-enerġija ma kinetx qegħda tiġi sussidjata mill-bidu.

Dan juri li filwaqt li fil-kumplament tal-Ewropa l-inflazzjoni kienet ikkawżata primarjament mill-kriżi tal-enerġija, f’Malta l-kawża kienu affarijiet oħra. Dan kompla jiġi kkonfermat hekk kif l-aħħar statistika ta’ Ottubru 2023 turi li filwaqt li l-inflazzjoni fiż-żona Ewro niżlet għal 2.9 fil-mija, hekk kif il-prezzijiet tal-gass stabbilizzaw, f’Malta l-inflazzjoni baqgħet b’rata ogħla ta 4.2 fil-mija, qal Michael Piccinino.

Hu kompla li l-mozzjoni tagħmilha ċara li r-responsabbilità ewlenija tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna hija l-politika li ħaddan il-Gvern Laburista f’dawn l-għaxar snin u l-mudell ekonomiku li adotta. Mudell ekonomiku li żied il-popolazzjoni bi kbir f’daqqa u li wassal għal żieda fid-domanda għal diversi prodotti u komoditajiet u allura żied il-prezzijiet.

Dan flimkien mat-tħanżir u t-tberbiq tal-Gvern għal dawk tal-qalba, u deals frawdolenti li faqgħu lpajjiż bid-dejn u għamlu defiċits kbar kull sena, infiq li wkoll għandu effett fuq l-inflazzjoni.

Hu qal li l-Partit Nazzjonalista għamel diversi proposti biex jindirizza din l-isfida, li jinkludu:

• Iż-żieda tal-COLA ma tkunx taxxabbli.

• Il-Gvern jagħti tax credits lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-COLA.

• Jinħoloq Fond Nazzjonali li jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt fuq l-għoli tal-ħajja.

U, l-aktar importanti, li naraw li jkun hawn mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li joħolqu xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.

B’hekk inkompli ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, li ma titkejjilx mit-tkabbir nazzjonali tal-Prodott Gross Domestiku, imma mil-livell ta’ għixien ta’ kull individwu, temm Michael Piccinino dwar il-mozzjoni dwar l-għoli tal-ħajja.

Mudell Ekonomiku Ġdid – Viżjoni ta’ Eċċellenza

Hawnhekk tkellimna dwar it-tielet mozzjoni, dik li tiffoka fuq l-ekonomija ta’ eċċellenza li hija mdawra madwar:

1. Amministrazzjoni Ambjentali: Aħna impenjati li nirrestawraw u nippreservaw is-sbuħija naturali ta’ Malta. Il-pjan tagħna jinkludi miżuri biex niġġieldu t-tniġġis, nipproteġu l-kosta tagħna, u nippromwovu prattiki tal-enerġija sostenibbli. Aħna se naħdmu bla heda biex niżguraw ambjent aktar b’saħħtu għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri.

2. Responsabbiltà Soċjali: Il-programmi tagħna ta’ benesseri soċjali se jagħtu prijorità lill-ġustizzja u l-inklussività. Aħna nimmiraw li nipprovdu appoġġ għal dawk fil-bżonn, kemm jekk permezz talbenefiċċji tal-qgħad, kura tas-saħħa, jew opportunitajiet edukattivi. L-għan tagħna hu li nibnu soċjetà fejn ħadd ma jitħalla lura.

3. Governanza Tajba: It-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-kondotta etika se jkunu fil-qalba talgovernanza tagħna. Se nibnu mill-ġdid il-fiduċja li tnaqqret u nerġgħu nirrestawraw il-valuri li jsaħħu demokrazija b’saħħitha.

4. Prosperità Ekonomika: Se nsegwu politiki li jrawmu t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi, u l-investiment fl-innovazzjoni. L-għan tagħna huwa li nipprovdu futur stabbli u prosperu kemm għannegozji kif ukoll għall-individwi.

Michael Piccinino qal li għalhekk, ninsabu magħqudin fl-impenn tagħna li nfasslu viżjoni ġdida għal Malta u Għawdex, billi niddefinixxu mill-ġdid il-mudell ekonomiku tagħna biex niżguraw prosperità u kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini kollha. Il-politika ekonomika tal-Gvern Laburista, maħsuba u implimentata matul laħħar għaxar snin, żiedet il-popolazzjoni tagħna b’numru qawwi mingħajr pjan filwaqt li ttraskurat linvestiment kruċjali fl-infrastruttura. Dan wassal għal tnaqqis qawwi fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna.

Hu żied li l-Partit Nazzjonalista jipproponi l-Viżjoni Ekonomika ta’ Eċċellenza, pjan ħolistiku li jinkludi tmien pilastri strateġiċi li se jitrasformaw lin-nazzjon tagħna. Aħna nemmnu li dawn il-pilastri mhumiex biss wegħdiet iżda pjan għal futur fejn it-tkabbir ekonomiku jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar taċċittadini tagħna.

  1. Business Continuity:

Il-mudell ekonomiku l-ġdid tagħna jagħti prijorità li t-tkabbir tal-popolazzjoni jkun ikkontrollat. Biex jinkiseb dan, il-Partit Nazzjonalista jimpenja ruħu li jimplimenta politika li tiżgura kontroll metikoluż fuq il-permessi tax-xogħol maħruġa lil Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi, biex jissalvagwardjaw l-interessi taċċittadini tagħna.

  1. Brand Malta:

Filwaqt li jirrikonoxxi s-sinifikat ta’ reputazzjoni internazzjonali pożittiva, il-Partit Nazzjonalista se jinvesti fi proġett pjanat u strutturat b’mod għaqli biex isaħħaħ Brand Malta. Din l-inizjattiva għandha l-għan li terġa’ ssaħħaħ l-integrità, insaħħu l-kompetittività ta’ pajjizna, nattiraw investiment dirett barrani serju u ta’ livell, u b’hekk ntejbu l-pożizzjoni tagħna fix-xenarju globali.

  1. Startups:

Iż-żgħażagħ huma l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista se jniedi Skills Bank, li jrawwem ambjent fejn l-aspirazzjonijiet tal-imprendituri żgħażagħ tagħna jiltaqgħu mal-esperjenza ta’ professjonisti b’esperjenza. Din il-konverġenza se ssaħħaħ iktar l-innovazzjoni, u tħeġġeġ iktar lillmexxejja fin-negozju biex jikbru u jimirħu.

  1. Stakeholder Engagement:

Gvern immexxi mill-PN se jibni fuq il-kunsens permezz ta’ aktar kollaborazzjoni u koperazzjoni fost l-istakeholders kollha. Proċess iffaċilitat biex tiġi żgurata l-kwalità, it-tnaqqis tal-burokrazija u għal daqstant inqas spejjeż li jnaqqsu l-kompetittività ta’ pajjiżna. Il-Gvern iservi ta’ xprun: il-Gvern ikun dak li jiggwida, l-arkitett. Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jmexxi proċess trasparenti, billi jistieden lill-partijiet interessati tal-industrija biex jipparteċipaw b’mod attiv fit-tfassil ta’ politika li tmexxi lin-nazzjon tagħna ’l quddiem.

  1. Industrijali Vertikali eżistenti:

B’kollaborazzjoni mal-mexxejja u l-esperti attwali fl-industrija, il-Partit Nazzjonalista se jġedded l-industriji ta’ suċċess tagħna b’valur miżjud. L-għan tagħna huwa li noħolqu impjiegi ta’ kwalità b’salarji tajbin u li niżguraw kwalità ta’ ħajja aħjar għaż-żgħażagħ tagħna.

  1. Niċeċ ekonomiċi ġodda:

Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun pijunier fil-ħolqien ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda, li jattiraw investiment barrani dirett u jiġġeneraw impjiegi ta’ kwalità għolja għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, biex b’hekk jiddiversifikaw u jsaħħu l-ekonomija tagħna.

  1. Marketing u USP Development:

Nidentifikaw l-Unique Selling Point (USP) ta’ Malta għal kull industrija (vertikali) eżistenti tagħna. Din se tkun parti minn strateġija li nippromwovu lil Malta f’konferenzi internazzjonali. Nassistu lin-negozji u l-intrapriżi lokali biex jipparteċipaw f’avvenimenti internazzjonali ta’ livell. Strateġija li tiffoka fuq kumpaniji globali u noħolqu proċess li fih nassiguraw li jsaħħu l-preżenza tagħhom f’Malta jew saħansitra noħolqu ambjent biex għall-ewwel darba jinvestu f’pajjiżna.

  1. Workforce Management:

In-nies se jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista. Filwaqt li nħaddnu l-futur, aħna nimmiraw li ninvesti fl-Intelliġenza Artifiċjali u Awtomazzjoni Intelliġenti biex nsaħħu l-livelli ta’ produttività u l-workforce tagħna.

Michael Piccinino temm li din il-mozzjoni tagħlaq billi tagħmilha ċara li l-viżjoni ekonomika ta’ eċċellenza mhix biss viżjoni iżda wegħda lill-poplu ta’ Malta u Għawdex. Dan hu impenn biex tinbena ekonomija li taqdi liċ-ċittadini tagħna, trawwem iż-żgħażagħ tagħna, u twassal lin-nazzjon tagħna għal livelli ġodda ta prosperità. Flimkien, ejja nibdew dan il-vjaġġ lejn futur isbaħ li jwassal għall-kwalità ta’ ħajja aħjar.