NAXXAR LIONS……………2
GUDJA UNITED…………..1
Fl-ewwel partita tal-Ħadd, li ntlagħbet fis-Centenary Stadium, Naxxar Lions komplew bil-mument pożittiv tagħhom u kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva fil-kampjonat meta għelbu lil Gudja United 2-1.
Gudja għalhekk għadhom bla rebħa minn disa’ partiti u fil-post ta’ qabel tal-aħħar.
Kienu l-Lions li fetħu l-iskor fis-16-il minuta permezz ta’ Wilian Marcillo, vantaġġ li iżda damu biss igawdu 4 minuti hekk kif Gabriel Mensah fl-20 minuta skorja l-gowl tad-draw għal Gudja.
It-tieni taqsima kienet waħda bilanċjata, iżda meta kollox deher li ż-żewġ timijiet kienu se jieħdu punt kull wieħed, fis-87 minuta kien Maicon De Souza da Silva li tefa’ fix-xibka u ta tliet punti importanti lil Naxxar li issa jisabu fir-raba’ post tal-klassifika.
GŻIRA UNITED……………….2
MARSAXLOKK…………………4
Marsaxlokk irritornaw għar-rebħ wara t-telfa kontra Ħamrun meta f’partita kkaraterizzata minn tliet tkeċċijiet għelbu lil Gżira 4-2.
Kienu l-Maroons li marru minn fuq fl-ewwel minuta permezz ta’ Macula biex man-nofs siegħa logħob iż-żewġ timijiet spiċċaw jilagħbu b’għaxra meta tkeċċew b’karta ħamra diretta Riascos għal Gżira u Vaikainah għal Marsaxlokk. Fl-40 minuta x-Xlukkajri għamlu l-iskor indaqs permezz ta’ Leandro Agiurre biex l-ewwel taqsima ntemmet fi draw ta’ 1-1.
Fil-61 minuta Marsaxlokk ingħataw penalty li nkariga minnu Yuri Messias li mill-11-il metru ma żbaljax biex fil-75 minuta tkeċċija oħra għal Gżira meta Gabriel Bohrer dabbar it-tieni karta safra tal-partita għal penalty li wettaq.
Mill-11-il metru din id-darba kien Sunday Akinbule li tefa’ wara Cassar.
Fil-81 minuta Gżira reġgħu daħlu fil-logħba b’gowl ta’ Romero Zuniga iżda żewġ minuti biss wara kien għal darb’oħra Sunday Akinbule li fetaħ vantaġġ doppju għal Marsaxlokk u skor finali ta’ 4-2.
