Lokali

Robert Abela kien qiegħed jaħseb biex jagħmel paċi ma’ Rosianne Cutajar

Sa ftit tal-jiem qabel ma’ kien pubblikat ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali li fih ikkonferma li l-konsulenza ta’ Rosianne Cutajar fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) kien frawdolenti u irregolari, Robert Abela kien qiegħed jikkonsidra x’mossi kien se jagħmel biex proprju fil-jiem tal-festi li għandna quddiemna jerġa’ jdaħħal fil-Grupp Parlamentari Laburista lill-istess Rosianne Cutajar.

Robert Abela, mifni b’ħafna problemi interni u esterni li bosta minnhom ġabhom fuqu hu stess, bħalissa għaddej minn eżerċizzju ta’ stock take tas-sitwazzjoni li jinsab fiha. Dan sal-punt li minn Kastilja qegħdin ikunu saħansitra identifikati delegati u partitarji Laburisti li huma diżappuntati, imweġġa’ jew irrabjati għall-istess Robert Abela u qegħdin jibagħtu għalihom biex tal-inqas jisimugħhom.

Parti minn dan l-eżerċizzju kien jinkludi wkoll xi mossa jew aktar min-naħa ta’ Kastilja biex jerġgħu jibnu kuntatt ma’ Rosianne Cutajar li minkejja li warrbet mill-Grupp Parlamentari Laburista, xorta waħda baqgħet iżżomm is-siġġu parlamentari bħala kandidat indipendenti.

Min-naħa ta’ Rosianne Cutajar kull meta ttieħed xi vot fil-Parlament, dejjem ivvutat man-naħa tal-Gvern u dan il-ġest hu deskritt bħala d-disponibbiltà tal-istess Rosianne Cutajar li ma tqattax għalkollox il-karti minn ma’ Robert Abela.

Rosianne Cutajar għadha temmen li tista’ tidħol mill-ġdid fil-Grupp Parlamentari Laburista minkejja dak kollu li għamlet, qalet u li kienet involuta fih… b’diversi ċirkostanzi li tiffoka fihom hi sal-lum għadhom ma rawx id-dawl ta’ barra! Iżda qegħdin hemm u minn mument għall-ieħor jistgħu jfeġġu wkoll fuq il-midja u jkomplu jgħoddsu ’l isfel ir-relazzjoni bejnha u bejn it-Tmexxija tal-Partit Laburista.

Minkejja dan l-għarfien kollu u ferm aktar għal Robert Abela kien importanti li fil-festi li ġejjin jibgħat messaġġ ta’ ‘paċi’ bejnu u bejn Rosianne Cutajar! Iżda issa l-affarijiet ikkomplikawlu ruħhom hekk kif ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali f’nofs din il-ġimgħa kien dirett u ċar daqs il-kristall… Rosianne Cutajar hi perikoluża… ingħatat ftehim frawdolenti u irregolari.

Naturalment il-kolpa kollha m’għandhiex tintefa’ fuq Rosianne Cutajar.. Wieħed irid japprezza li fin-nofs kien hemm persuni oħrajn li għandhom jintalbu jwieġbu għal din il-korruzzjoni istituzzjonalizzata… bħall-Eks Ministru Korrott Konrad Mizzi u l-famuż Pierre Fenech li ma jixbax jiffanga u jibla’ b’aktar minn ħalq wieħed! X’nies imsieken hux?! X’faqar ta’ tmexxija ta’ pajjiż? Mhux ta’ b’xejn li nhar il-Ħams l-Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista spiċċa akkuża lill-Gvern ta’ Robert Abela b’kollass u b’fallimenti totali! Imma lil nies bħal Jason Micallef dawk ta’ Kastilja jarawhom koroh u “jberrqulhom”!

Naturalment fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu hu imperattiv x’se jkun qiegħed jagħmel issa Robert Abela. Se jissokta – għaliex ras iebsa – jipprova jagħmel mossa ta’ ‘paċi’ ma’ Rosianne Cutajar? Jew, kif mistenni minnu, se jkeċċiha għalkollox mill-Partit Laburista għaliex hu inaċċettabbli li persuna titħallas l-eluf ta’ ewro minn flus il-poplu għal xogħol fantażma?

Wieħed ma jridx jinsa li fir-Rapport tiegħu l-Awditur Ġenerali għamilha ċara li Rosianne Cutajar ħadet il-flus talli m’għamlet xejn. Dan ifisser li Rosianne Cutajar ikkonferamt li ħadet flus il-poplu, ikkonfermat dak li kienet qalet fiċ-chats, li la kulħadd qed jitħanżer, titħanżer hi wkoll!

Tajjeb li nfakkru li fl-isfond ta’ dan ix-xenarju surreali kollu, f’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jressaq Mozzjoni ta’ ċensura biex il-Parlament jesiġi li Rosianne Cutajar trodd lura l-flus li ħadet mingħajr ma kien ħaqqha. Vot biex tirritorna l-flus li ħadet, iżda wkoll vot ta’ ċensura. Messaġġ li hi għamlet ħażin.

Qal Bernard Grech fuq il-midja soċjali li: “Bħalma kien hemm fl-iskandli tal-benefiċċji soċjali kellu jħallas l-flus lura u saħansitra tressaq il-Qorti, għaliex ingħataw il-benefiċċji, meta mhux suppost ingħataw dawn il-benefiċċji… x’se jagħmel issa Robert Abela?

Kompla jistaqsi Bernard Grech: “X’se jagħmel il-Kummissarju tal-Pulizija? Għaliex issa hemm Deputat, li kienet Deputat elett f’isem il-Partit Laburista, li ħadet eluf ta’ ewro minn flus il-poplu Malti, meta mhux suppost għamlet dan. Se titressaq il-Qorti? Se jkunu qed jittieħdu passi? Se tkun imġiegħla tirritorna dawn il-flus? Jew hemm liġi għall-allat u liġi għall-annimali?”

Naturalment dan kollu jrid jittieħed ukoll fl-isfond tad-dikjarazzjoni li għamlet ftit tax-xhur ilu biss l-istess Rosianne Cutajar meta biex tiddefendi lil Yorgen Fenech – li bħalissa jinsab fil-Ħabs ta’ Kordin b’rabta ma’ delitt mill-aktar serju – kienet iddikjarat li dan hu Gvern Laburista ta’ Robert Abela fejn “kulħadd jitħanżer”!

Il-Mument imur lil hinn minn talba lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà biex jinvestiga lil Rosianne Cutajar… aħna ninsistu li anki persuni bħall-Eks Ministru Korrott Konrad Mizzi u Pierre Fenech għandhom ikunu arrestati u investigati dwar kif iġġestixxew flus il-poplu.