Lokali

Tirritorna Santa’s Swim b’risq l-MCCFF

Illum irritornat l-għawma bil-barnużi tal-Milied b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation; attività annwali ta’ Santa’s Swim fejn diversi persuni għażlu li jisfidaw il-kesħa ta’ Diċembru u jinżlu għal għawma biswit lukanda ewlenija fil-Floriana.

Għal din l-attività attendew il-President ta’ Malta, George Vella, u s-Sinjura Vella, bl-għawma tingħata bidu ftit wara l-10:30 am wara li ndaqqew xi siltiet mużikali mill-Banda tal-Korp tal-Pulizija.

Fl-attività għall-karità ntlagħbet ukoll logħba waterpolo. Tul l-attività kien hemm divertiment għal dawk kollha li attendew, inkluż it-tfal, kif ukoll ittellgħat wirja ta’ karozzi klassiċi.

Il-President ta’ Malta wassal diskors fil-bidu tal-attività u ltaqa’ wkoll ma’ dawk li pparteċipaw. Preżenti kien hemm ukoll Membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jagħtu l-assistenza tagħhom f’każ ta’ bżonn.