Lokali Milied 2023

Villaġġ tal-Milied mill-isbaħ magħmul mill-ħelu

Is-siġra tal-Milied. L-isnowmen. Djar ċkejknin. Kollha mdawrin ma’ knisja, mifrudin minn ferrovija li kontinwament għaddejja fuq il-binarji waqt li ddoqq qalb l-ispirtu tal-Milied.

Il-lukanda Westin Dragonara Resort żammet l-appuntament annwali – dik li tħejji xi ħaġa unika b’rabta mal-Milied. B’din is-sena għażlet li tagħmel villaġġ sinonimu ma’ dawn iż-żminijiet miksi kollu borra.

Villaġġ imdaqqas li ħa x-xhur biex tlesta, b’mod speċjali meta tikkunsidra li wieħed ried jippjana kollox qabel jitpoġġa fil-post, kif jispjegalna l-moħħ wara dan kollu.

“Nipprova nidħol f’ċertu dettall biex inqarreb ir-realtà għal dawk il-persuni li jmorru barra u jaraw dawn it-tip ta’ postijiet,” qal il-kok, Joseph Galea. “Tibda bħala qies skont il-post li għandek imbagħad tkompli tippjana biex tara kif se jiġi. Minn hemmhekk tibda tara d-dettalji u l-ħin li għandek disponibbli għalik.”

Joseph Galea qalilna eżatt fhix jikkonsisti dan il-villaġġ, ibbażat fuq il-villaġġ Hallstatt, l-Awstrija.

“Tipprova kemm jista’ jkun tirrepeti s-sitwazzjoni,” qal Galea. “Mhux qed ngħidlek li huwa eżatt bħalu imma ħafna mill-karatteristiċi provajt nuża’ kemm jista’ jkun il-postijiet tiegħu. Din is-sena ħdimna iktar fuq sugar paste, gingerbread u l-ġelu, u dħalna f’kemm jista’ jkun dettall biex stajna nagħmlu l-villaġġ iktar reali.”

Ritratti: Gabriel Cassar

Jgħin lill-kok, kien hemm ukoll id-dulċier, Jonathan Camilleri li spjegalna iktar dwar l-irwol tagħhom sabiex finalment il-villaġġ tpoġġa fl-entratura tal-lukanda.

“Il-pjan ħa fit-tul għax trid tfassal id-djar u kollox,” qal Camilleri. “Imbagħad bdejna naħdmu fuqha, bid-djar trid tagħmilhom skont il-qies tal-villaġġ. Ħadna tliet xhur b’kollox biex nintitolaw kollox.”

Filmati u muntaġġ: Liam Briffa