Lokali

“Viżjoni msejsa fuq amministrazzjoni ambjentali, governanza tajba, u propsperità ekonomika” – Bernard Grech

“Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hija msejsa fuq amministrazzjoni ambjentali, governanza tajba, u propsperità ekonomika. Tliet pilastri li se jaraw li tissaħħaħ ir-reputazzjoni u l-integrità tal-pajjiż. Il-PN jemmen fit-tiġdid ekonomiku meħtieġ biex nittrasformaw il-pajjiż skont il-prioritajiet tan-nies u mhux ta xi wħud fejn in-nies tassew ikunu prijorità waqt li nissalvagwardjaw u nsaħħu d-demokrazija.”

Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt il-Kunsill Ġenerali fid-Dar Ċentrali bit-tema ta’ ‘Ħajja aħjar f’Pajjiżna’ fejn ġew diskussi tlett mozzjonijiet, li huma; mudell ekonomiku ġdid – viżjoni ta’ eċċellenza; l-isfida tal-għoli tal-ħajja; u governanza tajba u integrità fil-politika. B’Bernard Grech iwiegħed tmexxija skont il-ħtiġijiet tan-nies tant li kull Malti u Għawdxi jitpoġġew bħala prijorità assoluta.

Bernard Grech sostna li Malta tinsab f’salib it-toroq għaliex il-poplu qiegħed jagħraf li dak li bnejna fl-aħħar snin, dak li kien ileqq u jissoddisfa, issa ttappan u m’għadux ixxebba.

“Il-kamra tal-kummerċ u l-unions tal-ħaddiema qed iwissu fuq il-kundizzjonijiet ħżiena u prekarjat akut. L-għalliema qed jgħidulna li m’humiex qegħdin jiġu stmati kif suppost għal xogħolhom, filwaqt li l-imħallfin u l-maġistrati qalulna li s-sistema tal-ġustizzja qiegħda qrib ta’ kollas. Is-sistema tas-saħħa mhux tlaħħaq mad-domanda u t-traffiku kontinwu qed joħnoq it-toroq maltin f’kull ħin. Il-korrimenti fuq il-post tax-xogħol. Dan filwaqt li t-telqa fil-pajjiż qed tkompli tirrenja.”

“Minflok Malta tagħna wkoll, saret Malta tagħna biss. Iżda huma qalulna li kulħadd sar sinjur żgħir. Kif sirna sinjuri żgħar meta ta’ kull xahar qiegħda tinfetaħ soup kitchen ġdida? Għaliex, il-fqir sar iżjed fqir, u s-sinjur stana minn fuq iż-żgħir.”

Bernard Grech kompla billi qal li quddiem dan kollu, il-PN nieda pjan – mudell ekonomiku ġdid ta’ eċċelenza li bis-saħħa tiegħu, se nwelldu Malta ġdida – vizjoni ekonomika ċara li se tagħti ħajja aħjar f’pajjiżna; Eċċelenża għal poplu, eċċelenża ta’ poplu, sabiex il-poplu jilħaq il-milja li jirnexxi. Din hi l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista – wegħda ta’ serħan il-moħħ. Affermazzjoni li aħna lesti niggvernaw b’mod responsabbli u sodi fl-impenn tagħna biex nissalvagwardjaw l-ambejnt nadif u estetiku tagħna. Inzommu l-ogħla standards.

Il-kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-enerġija nadifa se tkun fuq quddiem nett fil-viżjoni tal-Partit, filwaqt li determinati wkoll li nissalvagwardjaw id-demokrazzija f’pajjiżna akkost ta’ kollox.

“Il-wegħda li aħna qed nagħmlu hi li noffru ħajja aħjar f’pajjiżna. Inbiddlu għal aħjar il-pajjiż skont il-prioritajiet tan-nies u mhux skont il-prioritajiet ta’ xi wħud. l-amministrazzjoni ambjentali, governanza tajba, u l-propsperità ekonomika ser ikunu l-pilastri tal-viżjoni tagħna,” qal Bernard Grech.

“Waqt il-ħidma politika tagħna, in-nies jgħidulna li qed ibatu minħabba l-pjaga tal-għoli tal-ħajja. Għalhekk qiegħdin hawn aħna. Huwa biss fina li l-poplu Malti u Għawdxi jista jsib refuġju u għalhekk qiegħdin hawn sabiex minn salib it-toroq inmorru f’direzzjoni ċara – direzzjoni ta’ serħan il-moħħ li verament jixraqlu l-poplu Malti u Għawdxi.”

Bernard Grech insista li l-PN se jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-Gvern ta’ Robert Abela għax in-nies qed ibatu u għandhom bżonn soluzzjonijiet illum u mhux għada. “Aħna minflok abbandunajna lill-ħaddiema, lill-anzjani, lill-imsieħba soċjali u lill-poplu kollu, tajnihom widen u ħloqna viżjoni ċara għall-pajjiżna.”

“Huwa permezz tal-politika tal-PN li nistgħu nwettqu dan kollu. Il-kunsill Ġenerali huwa messaġġ ta’ kemm il-partit nazzjonalista huwa ħaj. Il-politika tagħna hija dik ta’ tama, li dik kwalità tal-ħajja li tixraqlek, li f’dan il-pajjiż hux teżisti biss imma tgħix u twettaq il-ħolm tiegħek.”