Lokali Qorti

Arrest iddikjarat invalidu fuq każ ta’ stupru li allegatament seħħ erba’ snin ilu

Ritratt mill-Arkivji

Il-Qorti ddikjarat bħala invalidu arrest ta’ raġel ta’ 30 sena minn Bormla fuq każ ta’ stupru. Bħalissa Keith Azzoppardi li jaħdem bħala ‘tattoo artist’ qed jinżamm il-ħabs fuq każ ieħor. Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella mixli li f’Settembru ta’ 2019 kien involut f’attivita’ sesswali ma’ tfajla taħt l-età.

Fil-Qorti, l-Ispettur Roxanne Tabone spjegat li meta kienet taghmel parti mal-iskwadra kontra l-vizzji, giet infurmata mill-Pedjatra Mariella Mangion dwar allegat stupru. It-tabib qalet li hi kienet eżaminat lill-minuri ġewwa l-isptar Mater Dei fejn tfajla qalet li allegatament ġiet stuprata fi gnien mill-ħabib tagħha.

It-tfajla qalet mat-tabiba li kien il-ġuvni li qalilha biex imorru fil-ġnien fejn aktar tard nizzel il-qalziet u ppenetraha. Żiedet tgħid li hi qaltlu biex ma jkomplix għax kienet qed tħossha skomda. Mal-Pulizija t-tfajla qalet li beżgħet tirraporta għaliex l-imputat avviċina lilha u lill-ommha waqt festin tal-Milied u talabom ma jdaħħlux fl’inkwiet għax għandu żewġt itfal.

L-ispettur rrimarkat li tfajla pprezentat mal-pulziija messaġġ fuq il-mobile tagħha tal-imputat jirreferi għal l-allegat stupru. Ghal-akkużi miġjuba kontrih, Azzoppardi wieġeb mhux ħati. L-Avukat Franco Debono li flimkien mal-Avukat Marion Camilleri kkontesta l-arrest fuq il-fatt li l-allegat reat seħħ aktar minn erba’ snin ilu u li ma kienx hemm żviluppi fuqu.

L-Avukat Debono qal li mhux sew li fil-liġi li arrest ikun ġustifikat fuq l-akkużi kollha u meta wieħed iressaq b’arrest jew b’ċitazzjoni. Meta tagħat digriet fuq il-legalità tal-arrest il-Qorti qalet li mingħajr ma tnaqqas xejn mill-gravita tal-akkużi miġjuba fil-konfront ta’ l-imputat, tqis li arrest inwettaq fl-2023 fir-rigward ta’ reat allegatament imwettaq fl-2019, ma jistax jitqies li huwa validu.

Il-Qorti qalet li għalkemm jidher li fiż-żmien tal-allegat reat l-imputat avviċina kemm lill-tfajla kif ukoll lil familjari tagħha ma jirriżultax li dan sehh fiż-żminijiet riċenti filwaqt li ma hemm l-ebda biża’ li l-imputat jista jaħrab mill-pajjiħ minħabba li preżentament jinsab ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Maġistrat Vella laqgħet ukoll it-talba tal-prosekuzzjoni għal ħruħ ta’ ordni ta’ protezzjoni fuq it-tfajla u l-familjari taghha. Għal akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roxanne Tabone mgħejjuna mill-Avukati Angele Vella u Cynthia Tomasuolo.