Lokali Qorti

Erbgħa persuni mhux ħatja ta’ frodi għad-dannu tal-Gvern – każ li kien politiċiżżat mill-PL

Erba’ rġiel ma nstabux ħatja mill-Qorti ta’ Għawdex li kienu involuti fi frodi b’dannu għall-Gvern b’rabta ma’ xogħlijiet f’Għawdex. Sam Camilleri, George Victor Vella, George Formosa u Carmelo Bajada ma nstabux ħatja li kienu kompliċi fi frodi b’dannu għall-Gvern ta’ Malta.

Dan il-każ kien politiċiżżat mill-Partit Laburista fejn kien sar attakk fil-konfront ta’ Anthony Debono, ir-raġel tal-eks Ministru ta’ Għawdex Giovanna Debono li kien ġie lliberat minn akkużi simili f’Settembru tal-2021. Il-kawżi kienu nstemgħu b’mod separat bl-akkużi jvarjaw, bħala snin, bejn l-2004 u l-2013.

Anthony Debono kien tressaq mill-eks Assistent Kummissarju, Ian Abdilla, li kien imexxi t-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, u l-Ispettur, Rennie Stivala, bi 13-il akkuża, fosthom misapproprijazzjoni, frodi u falsifikazzjoni għad-dannu tal-Gvern fis-sena 2013 u qabel. Il-Qorti ma kienet sabet xejn illegali fil-konfront tiegħu.

Dwar dan il-każ l-Avukat Ġenerali ħareġ status ta’ whistleblower lil Joseph Cauchi, li mix-xhieda tiegħu ma kienx kredibbli fl-informazzjoni li kien ta. Cauchi kien ix-xhud ewlieni fil-kawżi li l-Pulizija fetħet kontra l-l-akkużati.

Huwa qal li kien japplika għal tenders biex joffri servizz bil-‘bobcats’ u ‘excavators’. Tenna li kien japplika għal sejħiet li kienu joħorġu mill-Ministeru għal Għawdex. Huwa kien allega li kien imur għandu Anthony Debono u jgħidlu x’jikteb bħala postijiet fejn ikun sar ix-xogħol, xi ħaġa li fis-sentenza tagħha fil-konfront ta’ Debono il-Qorti skartat sentejn ilu.

Fil-Qorti, Cauchi qal bena ġibjun lil Vella fir-raba’ bejn in-Nadur u l-Qala. Huwa allega li Debono qallu biex idaħħal is-sigħat li saru fuq ġibjun ieħor. Dwar Bajada qal li jafu għax kien hemm meta ta l-konkos fi sqaq fix-Xagħra.

Lil Formosa qal li jafu għax Debono talbu jibdillu ħajt ta’ għalqa fl-Għarb. Cauchi sostna li huwa qala’ l-ħajt imma l-bini tal-ħajt il-ġdid sar minn ħaddieħor. Dwar Camilleri x-xhud qal li għamillu drenaġġ f’barriera fl-Għarb.

Cauchi xehed ukoll li ma setax jispjega kif xogħol fil-privat tħallas minn fondi pubbliċi. Il-kawżi kontra l-erba’ akkużati nstemgħu quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana. Minbarra lil Cauchi hija semgħet uffiċjali tal-Pulizija u impjegati pubbliċi li ħadmu fil-Ministeru ta’ Għawdex.

Dwar Vella hija qalet li l-kawża kienet preskritta b’10 snin għax waqt li l-akkużi jmorru lura għall-2004 u l-2005, il-proċediment quddiemha beda fl-2016. Fir-rigward ta’ Formosa, il-Maġistrat Sultana qalet li ma nġibitx prova li l-għalqa li fiha sar ix-xogħol fuq ħajt kienet tiegħu u li rriżulta kien li l-Gvern għamel xogħol biex issewwa ħajt li kien perikoluż.

Dwar Camilleri qalet li mill-provi ma rriżultax li sar xi xogħol fid-dar tar-residenza tiegħu li rriżultat li kienet l-unika propjetà tal-akkużat. Fil-każ ta’ Bajada, il-Qorti qalet li hawnhekk ukoll sar xogħol mill-Gvern biex ġie rranġat ħajt li kien perikoluż.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li hija ma sabitx lill-erba’ akkużati ħatja u lliberathom. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-eks Assistent Kummisarju Ian Abdilla u l-Ispettur Rennie Stivala.