Futbol Sport

Floriana jirbħu d-derby, Birkirkara jibqgħu jinkwetaw lil Ħamrun u tasal l-ewwel rebħa għal Santa Lucia

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Floriana huma l-leaders assoluti tal-Kampjonat BOV Premier, dan wara li fid-derby tant mistenni għelbu lil Valletta b’gowl uniku skorjat fil-ħin addizzjonali. Kien gowl li wasal f’mument li Valletta ma’ setgħux iwettqu reazzjoni. Meta tqis l-andament tal-partita riżultat ta’ draw kien ikun l-aktar wieħed ġust. Iżda finalment persistenza minn Kemar Ried u eżekuzzjoni kalma minn De Grazia taw ir-rebħa lill-Greens. Din kienet it-tielet rebħa konsekuttiva għat-tim immexxi minn Camoranesi filwaqt li għal Valletta jkompli staġun diżappuntanti u aktar minn hekk Vincenzo Potenza għadu jfittex l-ewwel rebħa tiegħu.  B’hekk Valletta issa ilhom kważi erba’ snin preċiżament minn Frar 2020 ma’ jegħlbu lir-rivali Floriana.

Ħamrun Spartans sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun wara li sfaw megħluba bl-iskor ta’ 3-0 minn Birkirkara. L-Istripes kienu ġejjin minn mument diffiċli, telfa kontra Naxxar Lions u r-riżenja tal-kowċ Giovanni Tedesco. Fil-fatt it-tmexxija tat-tim kienet f’idejn Brian Chetcuti li nistgħu ngħidu beda bil-kbir hekk kif huma ġabu fix-xejn lil Ħamrun Spartans. Għal dawn  tal-aħħar din kienet daqqa ta’ ħarta fejn qatt ma’ stennew li ser jisfaw megħluba b’dak il-mod. Bejn il-lasti tal-Ispartans beda għal darb’oħra Marchetti flok Henry Bonello li jinsab imweġġa. Dan ir-riżultat ikkonferma li jeżisti bilanċ fil-kampjonat Premier u ftit hemm differenza bejn it-timijiet.

(Ritratt: Joseph Galea)

Finalment waslet l-ewwel rebħa għal Santa Lucia li għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 1-0, dan wara disa’ logħbiet fil-kampjonat. Kellu jkun gowl skurjat minn Adam Bradshaw li wasal f’nofs l-ewwel taqsima li fired lil dawn iż-żewġ timijiet. Mosta provaw jirkupraw u jwettqu reazzjoni iżda sabuha diffiċli biex it-tamiet tagħhom sfaxxaw fix-xejn għaxar minuti minn tmiem il-logħba hekk kif huma spiċċaw b’għaxar plejers. Rebħa għas-Saints li biha telgħu fit-tnax-il post fil-klassifika fejn huma komplew jibnu fuq id-draw li kisbu fl-aħħar logħba kontra Valletta. Mill-banda l-oħra Mosta issa ilhom tlett logħbiet mingħajr rebħa fejn niżlu fil-ħdax-il post, li għal din is-sena jfisser żona relegazzjoni.

L-ebda problema għal Balzan kontra Sirens biex ħadu punti importanti wara li rebħu bl-iskor ta’ 3-0. B’hekk Balzan irritornaw għar-rebħ wara żewġ telfiet u draw fl-aħħar ħarġiet tagħhom. Żewġ gowls fl-ewwel taqsima u ieħor fit-tieni ikkaratterizzaw dan il-konfront bit-tim ta’ Sirens isibuha ferm diffiċli biex jinfdu d-difiża avversarja.  Balzan kienu ġejjin minn draw kontra Gudja filwaqt li Sirens kienu ġejjin minn telfa kontra Hibernians, biex b’hekk it-tim minn San Pawl il-Baħar għadu jfittex l-ewwel rebħa tal-istaġun. Telfa li tkompli żżid il-pressjoni fuq il-kowċ Steve D’Amato hekk kif huma jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika. Għal Balzan tlett punti li tellawhom aktar lejn nofs il-klassifika.

(Ritratt: Joseph Galea)

Ikompli l-mument maġiku ta’ Naxxar Lions li fil-logħba tal-Ħadd filgħodu huma kisbu rebħa bl-iskor ta’ 2-1 kontra Gudja United. Għat-tim immexxi minn George Vella din kienet ir-raba’ rebħa mill-aħħar sitt logħbiet li huma lagħbu fejn telgħu temporanjament fit-tielet post tal-klassifika. Pero’ ma’ kienetx xi passiġġata għal-Lions hekk kif sabuha diffiċli sabiex jegħlbu lil Gudja United, b’dawn tal-aħħar ikollhom numru ta’ plejers neqsin. It-tim immexxi minn Jesmond Zammit issa jinsab fil-post ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika, wara r-rebħa li Santa Lucia kisbu kontra Mosta. Bħal Sirens, Gudja għadhom ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara disa’ partiti.

Rebħa bl-iskor ta’ 4-2 kisbu Marsaxlokk kontra Gżira United biex b’hekk ix-Xlukkajri waqfu r-ritmu tal-avversarji tagħhom. Rebħa li tellgħet lil Marsaxlokk fit-tielet post tal-klassifika filwaqt li ħalliet lill-Maroons fil-ħdax-il post. Kienet logħba li kien fiha minn kollox fejn kien hemm tlett tkeċċijiet u xejn anqas minn sitt gowls. Żgur li dan l-istaġun jista’ jitqies bħala wieħed inkonsistenti għal Gżira fejn huma kienu tilfu logħba waħda mill-aħħar sitt logħbiet. Mill-banda l-oħra x-Xlukkajri kienu tilfu tlieta mill-aħħar erba’ logħbiet tagħhom iżda rkupraw tajjeb f’din il-partita biex issa jinsabu aktar komdi.

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Fl-aħħar nett Sliema Wanderers mill-ġdid fit-tielet post tal-klassifika wara li fl-aħħar logħba mid-disa’ ġurnata tal-Kampjonat Premier huma għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 1-0.  Kien gowl uniku f’nofs it-tieni taqsima li xaqleb il-miżien favur it-tim immexxi minn Paul Zammit. Għal Hibernians dan kien pass falz wara li fl-aħħar ġimgħat huma kienu bdew jirkupraw fil-klassifika u resqu aktar viċin il-postijiet tradizzjonali tagħhom. Bħala logħba kienet waħda bilanċjata fejn l-azzjonijiet fuq il-lasti rispettivi kienu rari ħafna. Fil-fatt il-gowl tal-Ivorjan Kouao wasal f’mument li l-indikazzjonijiet kienu li l-logħba ser tispiċċa fi draw.

(Ritratt: Catriel Farrugia)

INNUTAJNA

LI  l-futbol Malti minkejja dak li jgħidu l-kritiċi għadu jattira interess qawwi. Dan kien rifless fi tmiem il-ġimgħa fejn rajna attendenza sabiħa għall-partita bejn  Floriana u Valletta. Aktar ma’ jkollna logħbiet bejn it-timijiet hekk imsejħa kbar aktar ikollna livell għoli u dan jattira aktar nies lejn l-istadiums tagħna.

LI  t-tim nazzjonali tan-Nisa jkollu jistenna sal-lum sabiex ikun jaf id-destin tiegħu wara li kontra l-Moldova nhar il-Ġimgħa spiċċa fi draw ta’ mingħajr gowls. F’logħba importanti bħal din li tista tfisser promozzjoni hemm bżonn is-support tal-partitarji Maltin sabiex ninkoraġixxu lill-plejers għal tragward storiku.

LI wara tant suċċess fl-aħħar snin fosthom żewġ kampjonati minn tlieta, għal Ħamrun forsi kontra kull mistenni waslet telfa bl-iskor ta’ 3-0. Telfa li ma’ tantx niżlet tajjeb mas-supporters tal-Ispartans fejn kien hemm kritika qawwija li xi kultant kienet eċċessiva wkoll. Jidher li Birkirkara huwa tim li jinkwieta ħafna lil Ħamrun fejn anki s-sena li għaddiet meta Ħamrun ġrew bil-Kampjonat, naqsu li jirbħu lill-Istripes u finalment eliminawhom mill-kompetizzjoni tat-Trophy wkoll.