Internazzjonali

Franza: Setgħu waqqfu l-qattiel terrorista li kieku taw każ it-twissija ta’ ommu

L-omm tal-aggressur li fi tmiem il-ġimgħa qatel turist Ġermaniż ‘bi skop terroristiku’ kienet wissiet minn qabel lill-awtoritajiet ikkonċernati dwar l-aġir ta’ binha li kien qed iħassibhz sew. Jidher, iżda, li t-twissija kienet waqgħet fuq il-widnejn torox  u meta l-uffiċjali ma ħasbux li kellhom ‘biżżejjed informazzjoni’ biex jieħdu passi.

It-twissija ngħatat ġimgħat qabel raġel Franċiż ta’ nisel Iranjan attakka lit-turist viċin it-Torri Eiffel ta’ Pariġi u fejn il-vittma qala’ daqqiet ta’ sikkina fatali. L-aggressur, wara, attakka lil raġel Franċiż u raġel Britanniku f’zona oħra tal-kapitali u b’dawn jispiċċaw midruba.

L-aggressur, identifikat bħala ‘Armand R’ spiċċa arrestat fuq il-post, bil-prosekuturi qed jinvestigaw il-potenzjal qawwi ta’ terroriżmu. Fil-fatt, ir-raġel arrestat, qabel il-qtil, kien ħalef lealtà lill-grupp terroristiku ISIS.

Il-Ministru għall-Intern Franċiż, Gerald Darmanin qal  li l-arrestat, fl-aħħar xhur, kien qed jingħata l-kura psikjatrika waqt li refera għal ‘falliment’ fil-kors tal-psikoterapija. Darmanin informa lill-istampa li ‘Armand R’ qed ibati minn marda mentali akuta u li t-tobba, qabel, qablu li hu ‘kien qed jirrispondi tajjeb għat-trattament’.

Hu minnu wkoll li l-arrestat, fl-2016, kien skonta erba’ snin ħabs wara li kien qed jippjana biex jivvjaġġa lejn is-Sirja bil-ħsieb li jissieħeb mal-ISIS.