Ġurnata mill-iktar emozzjonanti lbieraħ fil-Premiership fejn Manchester City u Tottenham Hotspur qasmu sitt goals bejniethom filwaqt li Liverpool kisbu rebħa drammatika kontra Fulham, f’logħba oħra b’diversi goals.
F’logħbiet oħra draw fid-derby ta’ Londra bejn West Ham u Crystal Palace filwaqt li Chelsea rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Brighton.
B’dawn ir-riżultati Arsenal żammew l-ewwel post fejn issa għandhom żewġ punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Liverpool.
Manchester City kellhom jikkuntentaw bit-tielet draw konsekuttiv meta kienu miżmuma fl-Ettihad Stadium minn Tottenham Hotspur fi draw ta’ 3-3 biex b’hekk Spurs evitaw milli jsofru r-raba’ telfa konsekuttiva.
Son ta vantaġġ bikri lil Spurs iżda l-istess Korean ikkometta autogoal tliet minuti wara u fil-31 minuta Foden poġġa liċ-champions fil-vantaġġ.
Fit-tieni taqsima Lo Celso għamel l-iskor 2-2 b’xutt sabiħ fil-baxx, iżda fil-81 minuta Grealish reġa’ poġġa lil Man City minn fuq wara azzjoni tajba ta’ Haaland fuq il-lemin.
Iżda kien għad baqa’ iktar emozzjonijiet għaliex fid-90 minuta Kulusevski kiseb id-draw għal Spurs b’daqqa ta’ ras. Fl-aħħar sekondi żball tar-referee li waqqaf lil Grealish li kien sejjer waħdu quddiem il-goalkeeper, biex ordna freekick għal foul fuq Haaland.
F’Anfield rebħa drammatika għal Liverpool kontra Fulham f’logħba ferm emozzjonanti.
Liverpool minn fuq b’autogoal ta’ Leno iżda Wilson kiseb id-draw fl-24 minuta. Reds mill-ġdid fil-vantaġġ b’goal ta’ Mac Allister iżda qabel l-intervall Tete għamilhom 2-2.
Għaxar minuti mit-tmiem De Cordova-Reid poġġa lil Fulham għall-ewwel darba fil-vantaġġ iżda fl-aħħar minuti tal-logħba Liverpool skorjaw darbtejn permezz ta’ Endo u Alexander-Arnold biex kisbu rebħa prezzjuża.
Fi Stamford Bridge Chelsea lura għar-rebħ meta għelbu lil Brighton 3-2 minkejja li lagħbu għal taqsima sħiħa bi plejer inqas.
Fernandez u Colwill taw vantaġġ doppju lill-Blues iżda fl-43 minuta Buonanotte naqqas l-iskor għal Brighton u fil-45 minuta Gallacher kien muri t-tieni karta safra.
Minkejja dan fil-65 minuta Fernandez kabbar l-iskor għal Chelsea meta skorja minn penalty u fl-aħħar sekondi Joao Pedro skorja goal ta’ konsolazzjoni għal Brighton.
Draw ta’ 2-2 bejn Bournemouth u Aston Villa, b’Watkins isalva punt għal Villa fid-90 minuta. Semenyo kien fetaħ l-iskor għal Bournemouth, Bailey għamilhom 1-1 u fit-52 minuta Solanke kien reġa’ poġġa lil Bournemouth minn fuq.
Finalment fl-Istadium Olimpiku draw ta’ 1-1 bejn West Ham u Crystal Palace fejn Kudus poġġa lill-Hammers minn fuq fl-ewwel taqsima u Edouard kiseb id-draw għall-Eagles fit-53 minuta.
Riżultati
B’mouth v A. Villa 2-2
Chelsea v Brighton 3-2
Liverpool v Fulham 4-3
West Ham v C. Palace 1-1
Man City v Tottenham 3-3
//= $special ?>