Inter irritornaw fl-ewwel post tas-Serie A meta b’wirja oħra konvinċenti għelbu lil Napoli barra minn darhom 3-0.
Il-bidu kien wieħed promettenti għal napoli li kellhom fażi tajba fejn Inter dehru f’diffikulta. Iżda Napoli ma sfruttawx xi ċansijiet ta’ skor li kellhom u ta’ dan kienu kastigati minn Inter li kienu diretti fil-logħob tagħhom u dejjem kienu perikolużi kull x’ħin attakkaw.
Inter fetħu l-iskor minuta minn tmiem l-ewwel taqsima meta Calhanoglu li skorja b’xutt sabiħ li ma ta l-ebda ċans lil Meret isalva.
Fit-tieni taqsima Inter bdew isibu iktar spazju fil-kontrattakki u Barella għalaq il-logħba bit-tieni goal wara pass ta’ Martinez.
It-trijonf ta’ Inter kien komplut fl-aħħar minuti meta Thuram skorja t-tielet goal wara pass tajjeb ta’ Cuadrado.
Fil-logħbiet l-oħra rebħa mportanti għal Roma li dawwru telfa f’rebħa barra minn darhom kontra Sassuolo li kienu qed jilagħbu bi plejer inqas. Sassuolo fetħu l-iskor fil-25 minuta permezz ta’ Henrique iżda kellhom lil Boloca mkeċċi fit-63 minuta. Roma wettqu reazzjoni tajba u Dybala kiseb id-draw minn azzjoni ta’ penalty u fit-82 minuta kisbu l-goal tar-rebħa meta xutt imxellef ta’ Kristensen qarraq għal kollox bil-goalkeeper ta’ Sassuolo.
Lece salvaw punt fl-aħħar battuti kontra Bologna fi draw ta’ 1-1. Lykogiannis fetaħ l-iskor għal Bologna f’nofs it-tieni taqsima u Lecce kisbu draw drammatiku fil-100 minuta grazzi għal penalty skorjat minn Piccoli.
Fiorentina kisbu rebħa faċli kontra Salernitana, rebħa ta’ 3-0. Vantaġġ doppju sal-ewwel taqsima b’penalty ta’ Beltran u goal ta’ Sottil. Fit-tieni taqsima kien Bonaventura li għalaq definitivament il-logħba bit-tielet goal.
Udinese u Verona qasmu sitt goals f’logħba minn naħa t’isfel tal-klassifika. Kabasele u Lucca taw vantaġġ doppju lil Udinese iżda Verona rkupraw b’goals ta’ Djuric u Ngonge. Lucca reġa’ poġġa lil Udinese fil-vantaġġ iżda fis-97 minuta Henry salva puntgħal Verona.
Riżultati
Lecce v Bologna 1-1
Fiorentina v Salernitana 3-0
Udinese v Verona 3-3
Sassuolo v Roma 1-2
Napoli v Inter 0-3
//= $special ?>