Lokali

Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti ma jaf xejn dwar il-ġebla ta’ Anton Refalo

Għaddew sena u nofs mindu iben il-Ministru Anton Refalo stess kixef li missieru qed iżomm f’daru ġebla storika li tmur lura għal żmien l-Ingliżi; u li issa tinsab biswit il-pool tiegħu. Każ li l-poplu Malti u Għawdxi kollu jaf bih… ħlief iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall.

“Ma nafx x’inti tgħid,” qal Marshall meta mistoqsi dwar il-ġebla ta’ Refalo.

Meta erġajna saqsejnih, Albert Marshall qalilna li huwa inġust fuqu li jwieġeb domandi dwar din l-opra storika – dan meta hu, suppost, jieħu ħsieb li jħares il-wirt artistiku ta’ pajjiżna.

“Ma nistax inwieġeb għal mistoqsija għax mhux fair, mhux fair fuqi, le?” qal Marshall.

Fi Frar tal-2022 kien ġie żvelat li l-ġebla ta’ żmien l-Ingliżi – bil-marka “VR” minquxa fuqha – tinsab fir-residenza tal-Ministru.

Minn dakinhar, għaddiet l-elezzjoni ġenerali…u l-Prim Ministru reġa’ poġġa’ lil Anton Refalo fit-tieni Kabinett tiegħu.

Imbgħad, wara li kien interrogat mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u kien anke msejjaħ mis-Suprintendenza għall-Wirt Nazzjonali, hu baqa’ jagħżel li jibqa’ sieket dwar dan il-każ.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet iffokata kollha kemm hi fuq il-wirt kulturali u l-arti li kapaċi joffri pajjiżna, Net News staqsa wkoll lil Albert Marshall dwar il-permess li ħareġ mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta’ appartamenti viċin it-tempji tal-Ġgantija… biċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Arti jistqarr li hu kontra kull bini li jagħmel ħsara.

“Jien iweġġani kull bini li mhux estetikament korrett,” qal Marshall.

S’issa, dan il-permess għadu friżat. U wara li kienet diġa’ ingħatat awtorizzazjoni għall-bini…f’daqqa waħda l-awtoritajiet ħolmu biex jagħmlu Heritage Impact Assesment – dan sempliciment minħabba li kien hemm frustrazzjoni mill-Għawdxin u mir-residenti tax-Xagħra.