Lokali

Iffirmat qbil sabiex tittella’ l-ewwel edizzjoni ta’ ‘Malta Biennale’

Pajjiżna se jkun qed jospita mijiet ta’ artisti, kemm lokali u anke barranin għal festival internazzjonali tal-arti u l-kultura; bl-isem ta’ Malta Biennale.

Il-festival, li mistenni jsir bejn Marzu u Mejju tal-2024, ġibed iktar minn 2,500 applikazzjoni minn 118-il pajjiż differenti – dan hekk kif pajjiżna se jara għażla ta’ artisti lokali u internazzjonali bi programm t’attivitajiet edukattivi għal kull età. Dawn l-attivitajiet mistennija  jkunu mifruxin madwar Malta u Għawdex kollu, prinċipalment f’siti li huma ta’ Heritage Malta.

Fost it-80 artist li se jipparteċipaw se jkun hemm 24 Maltin, flimkien ma’ aktar minn 20 padiljun nazzjonali. Il-pajjiżi li ntgħażlu biex jarmaw il-padiljuni nazzjonali tal-ewwel biennale huma l-Awstrija, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Malta, il-Palestina, il-Polonja, is-Serbja, Spanja, it-Turkija u l-Ukrajna.

Wieħed mill-aspetti uniċi tal-festival huwa li dan inħoloq għal komunitajiet żgħar u speċifiċi li ta’ spiss jiġu esklużi mill-esperjenzi tal-mużewijiet tradizzjonali.

Il-programm se jmur lil hinn mill-wirjiet artistiċi minn artisti individwali u mill-padiljuni nazzjonali, u se jinkludi workshops, wirjiet interattivi, laqgħat organiċi, masterclasses interdixxiplinarji, inizjattivi komunitarji u programm ċinematografiku.

Dan il-Biennale se jkun wieħed b’differena hekk kif pajjiżna se jkun qed jara l-wirt nazzjonali u arti kontemporanja jitħaltu flimkien sabiex naraw il-passat jitlaqqa’ mal-futur.

Flimkien mal-wirjiet tal-arti li se jkunu l-qofol tal-maltabiennale.art, se jkunu qed jittellgħu ukoll programmi oħra edukattivi u akkademiċi kif ukoll workshops u programm ta’ arti performattiva.

It-tema prinċipali ta’ dan il-Biennale se tkun ‘Baħar Abjad Imsaġar taż-Żebbuġ’ u l-festival se jsir taht il-patroċinju tal-President ta’ Malta, George Vella.