Lokali Parlament

Il-gvern kellu l-liġijiet iżda m’għamel xejn dwar l-abbużi fil-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin


Ivan Castillo, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal fil-parlament li l-gvern kellu l-liġijiet iżda m’għamel xejn dwar il-ħaddiema barranin.


Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal li l-PN jaqbel li jkunu introdotti miżuri għas-sewwa fil-kuntest tal-liġijiet tax-xogħol. Hu sostna li l-Prim Ministru qal time-out għall-aġenziji li jġibu ħaddiema barranin li jkunu qed jiksru l-liġijiet għalkemm fir-realtà s-sitwazzjoni hi waħda ta’ about-time.


Ivan Castillo qal li l-liġi f;dan is-settur ilha teżisti mill-1996 bir-regolamenti b’kollox tant li mill-1996 kien hemm 206 aġenzija li jilliċenzjaw lilhom innfushom. Għalhekk dan ma kienx każ li l-aġenziji ma kienux jirreġstraw lilhom innfushom u żgur li ma jistax jingħad li din hi liġi ġdida.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern qiegħed biss jaġġorna din il-liġi u sostna li l-PN jirrikonoxxi li seħħ diversi tibdil fis-settur tax-xogħol. B’din il-liġi l-gvern qed jirrikonoxxi li diġà kien hemm liġijiet li jirregolaw l-aġenziji li jġibu l-ħaddiema barranin. L-awtoritajiet stess kienu jafu li t-temping agencies kellhom l-obbligu li jirregolarizzaw lilhom innfushom għaliex il-liġijiet ilhom jeżistu s-snin.


Il-gvern kellu l-opportunità li jevita s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-pajjiż u s-settur tax-xogħol illum. Inkwetanti li l-gvern ma kienx jaf biha din il-liġi, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li mill-2013 sal-lum kien hemm żieda f’dawn is-servizzi mogħtija mill-aġenziji u kien hemm numru ta’ abbużi. Il-gvern kellu opportunità li jirregolarizza quddiem il-ħaddiema sfruttati u dan seta’ għamlu b’sempliċi avviż legali li jemenda l-liġi kif għamel fl-2016 fil-liġi dwar Jobsplus.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-liġijiet diġà jispeċifikaw li, fost l-oħrajn, l-aġenziji ma setgħux jieħdu flus mingħand il-ħaddiema li jħaddmuhom. Hu enfażizza l-infurzar tal-liġijiet fis-settur tax-xogħol u qal li l-gvern naqas għax kellu l-opportunità kollha li jikkontrolla sitwazzjoni li ggravat tul is-snin u li fiha l-ħaddiema kienu sfruttati.


Tajjeb li l-kundizzjonijiet tal-postijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tad-DIER ikunu tajbin iżda fuq kollox il-ħaddiema tad-DIER għandu jkollhom ir-riżorsi biex ikunu jistgħu jaħdmu. Kienu dawn il-ħaddiema ngħataw ir-riżosi, il-pajjiż illum ma kienx ikollu ħaddiema li jaħdmu f’sitwazzjonijiet ta’ skjavitu.
Ivan Castillo qal li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja speċifikat li d-direttiva tal-UE dwar il-ħaddiema temporanji tiddetermina kemm ħaddiem irid idum ikkunsidrat bħala ħaddiem temporanju u tispeċifika wkoll il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema temporanji.


Ivan Castillo tkellem dwar iċ-ċirkostanzi li jinqalgħu jekk ma jkunx hemm liċenzji mġedda, dwar id-data importanti miżmuma minn Jobsplus dwar is-settur tal-ħaddiema u dwar l-edukazzjoni tal-ħaddiema. Dan hu importanti biex il-pajjiż joħloq setturi ta’ ekonomija ta’ kwalità.


Hu spjega kif il-pajjiż ma ġabx il-ħaddiema li għandu bżonn propju għaliex l-Iskills Council m’għamel xejn tant li l-istrateġija nazzjonali dwar il-ħiliet għadha se tibda. Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PN hu favur l-Iskills Card f’ħafna setturi u mhux biss fis-settur tal-ospitalità.


Din l-iskills card se tiswa €1300 meta l-pajjiż jinsab f’komeptizzjoni għall-ħaddiema mħarrġa, sostna d-deputat Nazzjonalista, li appella biex il-pajjiż ma jitlifx il-kometittività. Għandu jsir ukoll studju dwar kemm il-pajjiż jiflaħ u għandu bżonn ħaddiema barranin u jfassal policy dwar is-settur tal-ħaddiema barranin, sostna d-deputat Nazzjonalista.