F’Novembru tal-2019 “ġara li ġara” – din hija r-raġuni li ta l-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech għaliex l-impjieg ta’ Rosianne Cutajar waqaf ħesrem.
It-Tnejn, ġurnalisti tat-Times of Malta intervistaw lil Fenech b’rabta mal-impjieg ta’ Cutajar; deskritt mill-NAO bħala wieħed irregolari u frawdolenti minn fuq it-taxxi tal-poplu.
Meta il-Kap tal-ITS wieġeb “ġara li ġara” mhuwiex ċar għal xiex kien qed jirreferi. Dan għaliex effettivament ġara ħafna matul dak ix-xahar fost oħrajn; l-arrest ta’ Yorgen Fenech li Cutajar nfisha kienet qaltlu li se tieħu l-impjieg mal-ITS għax kulħadd kien qiegħed jitħanżer, ir-riżenja ta’ Chris Cardona minn Ministru, ir-riżenja ta’ Konrad Mizzi minn Ministru, ir-riżenja ta’ Keith Schembri minn Chief of Staff tal-Prim Ministru….li kollox sussegwentament wassal għar-riżenja tal-Prim Minsitru Joseph Muscat.
Mistoqsi mill-ġurnalist tat-Times jekk Rosianne Cutajar qalitx il-verità meta qalet li għal kull ċenteżmu li qalgħet minn dan l-impjieg kienet għamlet ix-xogħol għalih…Fenech insista biex il-ġurnalisti jistaqsu lilha.
Pierre Fenech insista li Cutajar kienet qed tagħmel xogħol tajjeb ta’ riċerka…madanakollu l-NAO ma kellu ebda evidenza preżentata quddiemu dwar din il-konsulenza.
Mistoqsi jekk kellux sehem fil-ħatra ta’ Cutajar f’dan l-impjieg minkejja li fi kliem Robert Abela, Fenech obda direzzjoni politika ta’ Konrad Mizzi – Pierre Fenech ma weġibx u stqarr li ma jagħmilx dak kollu li jgħidlu Ministru.
B’mod mill-aktar skomdu, meta mistoqsi x’se jwieġeb liċ-ċittadini wara li l-NAO saħaq li l-impjieg ta’ Rosianne Cutajar kien wieħed fażul imħallas minn fondi pubbliċi, Fenech ħarab milli jwieġeb u insista li r-riżultati li kiseb jitkellmu għalih.
Minkejja din it-tweġiba… l-għajta għar-riżenja tiegħu tibqa’ waħda insistenti.
//= $special ?>