Lokali Qorti

Il-Qorti tgħid li pilota għamel talba frivola meta qal li l-Pulizija kienu ħatfu lit-tfajla tiegħu

Il-Qorti ċaħdet każ li f’terminu legali jissejja ‘habeas corpus’ minn raġel li sostna li t-tfajla tiegħu mill-Ewropa tal-Lvant kienet “inħatfet” mid-dar tiegħu mill-pulizija. It-talba saret minn Massimo Galea, li huwa Pilota – mill-Wardija f’seduta stramba li matulha l-pulizija xehdu li l-mara qatt ma kienet arrestata.

Kollox jindika l-mara sempliċement telqet lil Galea, u riedet tara li ma jkunx jaf fejn marret. Galea ressaq rikors għal proċedura ta’ ‘habeas corpus’ – proċedura disponibbli għal persuni taħt arrest, li teħtieġ li l-maġistrat ikun fid-dmir jeżamina b’urġenza l-legalità tal-arrest tagħhom. Galea ma kienx persuna arrestata u fetaħ il-proċedura f’isem ‘t-tfajla’ tiegħu.

L-uniku tfixkil, kif sussegwentement spjegaw il-pulizija u l-uffiċjali tal-ħabs lill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Abigail Critien, kien li l-mara ma kinitx taħt arrest, u lanqas qatt kienet miżmuma. Xehed l-Avukat Franklin Calleja, li jirrappreżenta lill-amministrazzjoni tal-Qorti, li l-mara identifikata minn Galea ma kinitx fil-kustodja tal-Qorti. Calleja żied jgħid li l-Kodiċi Kriminali għamilha ċara li r-rimedju ta’ ‘habeas corpus’ huwa disponibbli biss għal persuni taħt arrest, u mhux għal membri tal-familja jew is-sieħba tagħhom.

L-Ispettur Joseph Busuttil sostna wkoll li Galea, li kien rappreżentat mill-avukat Jason Grima, ma kellu ebda dritt ta’ udjenza fis-seduta, għax ma kienx il-persuna arrestata. Dr. Grima qal lill-Qorti li l-mara inkwistjoni kienet is-sieħba tal-klijent tiegħu. “Il-pulizija marru d-dar tagħhom, arrestawha u ħaduha. Fl-2023, jekk marti tiġi arrestata, m’għandix dritt inkun naf fejn tinsab?” staqsa l-avukat.

Il-Qorti staqsiet x’xtaq iwieġeb l-avukat għall-argument li poġġa l-Ispettur Busuttil, jiġifieri li tali applikazzjoni tista’ tiġi ppreżentata biss mill-persuna li tkun allegatament miżmuma illegalment.
“Qegħdin hawn biex ninvestigaw il-legalità tal-arrest. L-investigazzjoni ma tieqafx hawn,” issottometta l-avukat.

“L-Ispettur qal li mhijiex il-ħabs, u lanqasf il-lock up, għalhekk l-ispettur irid jgħidlu fejn hi t-tfajla tiegħu.” Il-maġistrat qalet li proċedura bħal din mhix ‘habeas corpus’. “Din il-qorti qed tintalab teżamina jekk il-persuna tkunx arrestata legalment jew le, biex ma tippreżentax rapport ta’ persuna nieqsa.”

Mistoqsi mill-Qorti, l-avukat Nicholas Mifsud, li jirrappreżenta l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, iddikjara li l-mara ma kinitx qed tinżamm fil-faċilità.

L-Ispettur Busuttil iddikjara lill-Qorti li l-mara inkwistjoni ma kinitx nieqsa, “għax naf fejn tinsab.” Iżda meta Grima talab li jiddikjara fejn kienet, l-ispettur tal-pulizija rrifjuta bil-qofol. “Jien mhux hawn biex nissodisfa l-kurżità tiegħek,” wieġeb.

Il-qorti wkoll irrimarkat lill-ilmentatur li dan ma kienx il-mod it-tajjeb biex jipprova jikseb din l-informazzjoni. “Jekk ma tkunx fil-lockup u mhux fil-ħabs, allura ma tiġix arrestata.” Meta l-ispettur qal lill-Qorti li ma kienx hemm provi li juru li l-mara kienet b’xi mod involuta mar-raġel, il-Maġistrat Critien saħqet li l-kompitu tagħha ma kienx li teżamina r-relazzjonijiet, iżda li tevalwa l-legalità ta’ arrest.

Il-maġistrat, irrimarkat li qatt ma kienet ippreżentata b’każ bħal dan fuq persuna li ma kinitx taħt arrest. “Dan huwa każ li qatt m’għandu jibda,” qal l-ispettur. L-Ispettur Helenio Galea, li huwa responsabbli mill-ammissjonijiet u r-records fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin xehed fil-Qorti.

“L-ebda persuna b’dak l-isem qatt ma nżamm f’CCF, tal-inqas sa 20 minuta ilu meta ċċekkjajt l-aħħar. Hija qatt ma kienet il-ħabs.” “Dan il-każ qed isir wieħed redikolu,” irrimarkat l-maġistrat. Iżda s-seduta kompliet bl-avukat Grima jgħid lill-qorti li ma kienx jiddubita li l-mara ma kinitx il-ħabs jew il-lockup tal-qorti. “Allura għaliex bdejt dawn il-proċeduri?” staqsiet l-maġistrat.

Dr. Grima spjega li l-mara kienet ittieħdet mid-dar tal-klijent tiegħu minn uffiċjali tal-pulizija li kienu waslu fi tliet karozzi tal-iskwadra. “Hi mhijiex il-ħabs jew fil-lockup iżda żgur li ttieħdet mill-pulizija,” huwa qal.
Grima staqsa jekk il-mara kinitx qed tinżamm f’għassa tal-pulizija.

“Hi mhix taħt il-kustodja tal-pulizija,” wieġeb l-ispettur. “Qiegħda barra għax hi mara libera u ma nistax .ngħidlek fejn tinsab.” Dr. Grima mbagħad sostna li l-mara kienet ġiet arrestata mingħajr mandat, bil-Qorti iżda tgħid li Dr. Grima ma kienx qed jirrappreżentaha, iżda lil Galea. “F’isem it-tfajla tiegħu,” ikkoreġixxa l-avukat. “Hi mhijiex it-tfajla tiegħu,” qal l-ispettur. “Min qallek li mhijiex?” staqsa Galea.

Dr. Grima talab lill-Qorti biex iħalli lir-raġel u lill-ispettur jixhdu. It-talba ntlaqgħet, iżda l-maġistrat għamlitha ċara li ma kienet se tħalli l-ebda mistoqsija dwar fejn tinsab il-mara. “Int u t-tim tiegħek mortu l-Wardija għal din is-sinjura?” staqsa Grima. “Iva,” wieġeb l-ispettur.

“Ħadtha l-bogħod?” “Le, ġiet magħna volontarjament,” kienet it-tweġiba. L-Avukat Grima staqsa lill-ispettur tal-pulizija dak li qalilha li ġiegħla tmur mal-pulizija, iżda dan irrifjuta li jwieġeb. “Huwa irrilevanti għal dan il-każ,” huwa qal.

Ir-raġel li kien ippreżenta l-‘habeas corpus’, Massimo Galea xehed fejn iddeskriva r-relazzjoni tiegħu mal-mara inkwistjoni. “Ilna erba’ xhur flimkien. Jien pilota. Kienet miegħi… Konna għadna kemm wasalna minn Sqallija meta rċeviet telefonata mingħand l-ispettur, li qalilha biex tattendi l-għassa tal-pulizija nhar il-Ġimgħa f’nofsinhar.”

“Fit-28 tx-xahar rajna l-pulizija barra l-bieb. Avviċinajt lill-ispettur iżda qalli ‘Ma rridx nitkellem miegħek, irrid nitkellem mal-mara’.” Galea sostna li l-ispettur kien wissieh li kellu erba’ minuti biex joħroġha mid-dar jew inkella l-pulizija kienet se tidħol. Meta ħarġet il-mara, “żewġ uffiċjali qabduha minn taħt l-idejn u kaxkruha f’karozza,” hu qal.

Fl-inċident ħadu sehem madwar sitt uffiċjali tal-pulizija, li matulu, qal, ma ġie muri l-ebda mandat.
Żied jgħid li numru ta’ avukati oħra ma ħadux il-każ tiegħu, u qal li dan kien minħabba li l-ispettur kien qed jirrifjuta li jikkopera.

“Għandi sensazzjoni… nixtieq li tiġi hawn u tixhed dwar jekk ittieħditx,” qal Galea. “Forsi ġiet maħtufa.” Huwa qal lill-Qorti li kien ipprova jċempel lill-mara iżda t-telefon tagħha kien mitfi. Il-familja tagħha kienet imħassba, qal. “Ilha jiem nieqsa. Forsi għandha tiġi hawn biex tixhed,” issuġġerixxa Galea.

“Jekk tiġi hawn u tgħid li ma tridx tkun miegħi, nitlaq, imma ma nistax ngħix hekk għax ma nafx x’ġaralha. lDak li joqtolni,” qal Galea fil-Qorti, qabel staqsa lill-ispettur għaliex il-mara kienet ittieħdet. F’digriet li ngħata, il-qorti ċaħdet ir-rikors, u saħqet fuq il-fatt li l-‘habeas corpus’ kien rimedju disponibbli biss għal persuna detenuta, u li ma setax jiġi ppreżentat minn terzi f’isem dik il-persuna.

Għalkemm Galea teknikament ma kellu l-ebda pożizzjoni fil-każ, il-qorti xorta waħda kienet ħallietu jgħid tiegħu, qalet il-maġistrat. “Filwaqt li tiddeplora l-azzjonijiet tar-rikorrent, li ħela l-ħin prezzjuż ta’ kulħadd billi ressaq proċeduri ta’ natura urġenti meta lanqas kien hemm arrest jew detenzjoni, il-qorti tqis li dan l-aġir juri disprezz lejn l-awtorità tagħha, speċjalment fid-dawl tal-ħela ta’ ħin u riżorsi pubbliċi fi proċeduri li qatt ma kellhom jiġu ppreżentati, għax huma għal kollox nulli, irregolari u abbużivi.”