Kelliema għall-Armata ta’ Iżrael qalu li l-qawwiet tagħhom qed iħejju l-offensiva finali fuq il-belt ta’ Khan Younis f’Gaza, fejn mifhum li hemm il-moħbiet tal-Kapijiet terroristiċi tal-Ħamas.
Dan ukoll fost rapporti li l-Iżraeljani ‘eliminaw’ wieħed mill-kapijiet terroristiċi li kien strumentali fl-attakki qattiela tas-7 ta’ Ottubru mill-Ħamas fuq iċ-ċittadini ta’ Iżrael, Ir-rapporti qalu li Wissam Farhat, tal-Brigata Shuja’iya tal-organizzazzjoni tal-Ħamas, inqatel waqt rejd tal-ajru preċiż mill-Iżraeljani fuq il-Medda ta’ Gaza
Iżrael issa qed jespandu l-offensiva mill-art bħala parti minn strateġija biex jiffaċċja ‘direttament’ lit-terroristi tal-grupp Ħamas li għandhom il-parti kbira tal-bażijiet tagħhom taħt l-art.
Sadanittant, il-kriżi umana f’Gaza qed tiżdied, b’eluf ta’ ċivili Palestinjani qed jidhru f’periklu kbir li jinqabdu mill-ġdid fl-eqqel tal-gwerra….Konflitt li qed ikompli fuq livell intensiv wara ġimgħa ta’ waqfien mill-ġlied li fost oħrajn ippermettiet għall-iskambju ta’ ostaġġi miżmuma mill-Ħamas u għexieren ta’ priġunieri Palestinjani li nħelsu mill-ħabsijiet ta’ Iżrael.
Iżrael qed jgħid, intant, li hu ‘konxju’ mis-sitwazzjoni perikoluża tal-Palestinjani f’Gaza ‘li mhumiex involuti fl-attivitajiet terroristiċi’. L-Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, bagħtu sensiela ta’ messaġġi ġodda biex iħeġġu lill-familji joħorġu mit-territorji indikati għall-attakki ġodda mit-truppi ta’ Iżrael.
Iżda filwaqt li l-qawwiet Iżraeljani qed javvanzaw u jinfiltraw l-inħawi lejn in-Nofsinar ta’ Gaza, il-gruppi umanitarji fir-reġjun qegħdin iwissu li r-residenti Palestinjani ‘ma jistgħu jsibu mkien sikur’ fost id-diffikultajiet kbar biex huma jirrilokaw lejn il-bnadi ‘il bogħod mill-ġlied.
Il-belt ta’ Khan Younis, iffullata bil-Palestinjani, lejn in-Nofsinar ta’ Gaza, issa mistennija tinbidel fl-‘epiċentru’ tal-fażi ġdida tal-konflitt fil-Medda ta’ Gaza. Dan wara li mijiet tal-eluf ta’ residenti ħarbu mit-Tramuntana ta’ Gaza – il-mira tal-ewwel fażi tal-offensiva tal-Iżraeljani — lejn Khan Younis u fejn anki hawnhekk qegħdin jiffaċċjaw futur mill-aktar inċert.
Fl-istess ħin, il-Ġenerali tal-Armata Iżraeljana qed jgħidu li ma jistgħu jieħdu l-ebda ċansijiet wara l-attakki terroristiċi storiċi tas-7 ta’ Ottubru…. Jum imdemmi li fih il-ġellieda tal-Ħamas attakkaw lill-komunitajiet f’Iżrael fejn qatlu u biċċru lil talanqas 1,400 – fil-parti kbira ċivili u tfal.
//= $special ?>