George u Alfred Degiorgio żammew mal-pożizzjoni tagħhom ta’ ġimgħa ilu li ma jixhdux fil-kawża ta’ libell għad-danni li qed jagħmel l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kontra l-avukat Christian Grima, li kien qal fuq il-media soċjali li Muscat kellu sehem fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
L-aħwa Degiorgio, li ġew kundannati 40 sena ħabs kull wieħed wara li ammettew li qatlu lill-ġurnalista Caruana Galizija kien qalu lill-Maġistrat Victor Axiak li ma jridux jixhdu għal numru ta’ raġunijiet, Fosthom li għandhom kawża pendenti marbuta mal-każ tagħhom fil-Qorti Kostituzzjonali u li mhumiex lest jixhdu “ “għal xejn” sakemm ma jkunux mismugħa biex jkkonfermaw li lesti jiffirmaw dikjarazzjoni li ssemmi persuni għolja tal-Gvern li kienu nvoluti fi pjan biex tiġi assassinata l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Qalu li mhux lesti li jixhdu ta’ xejn meta fi kliemhom “ħaddieħor spiċċa biex mar biss 15-il sena u huma ġew kkundannati għal 40 sena”. Għaldaqstant qed jgħidu li mhux lesti li jixhdu għalxejn, inkluż fuq persuni bħal l-eks Ministri Chris Cardona Carmelo Abela fuq l-allegat involviment tagħhom fil-qtil.
Il-Qorti ordnat d-detenzjoni tal-aħwa, anki jekk huma diġa qed jiskontaw sentenza minħabba r-rifjuta tagħhom li jixhdu. F’dan il-każ mistenni jixhed ukoll Melvin Theuma, il-middleman involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, bil-każ issa jkompli fid-19 ta’ Frar fl-10.30am.
L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri li qed jidhru għall-aħwa Degiorgio ikkwotaw proċeduri Kostituzzjonali li għaddejjin bħalissa bħala raġuni għaliex il-klijenti tagħhom m’għandhomx jixhdu f’dan l-istadju.
Sorsi ta’ min jorbot fuqhom qalu lil NET News li l-aħwa Degiorgio jridu jistrennew sakemm tittieħed azzjoni u li ma jiżvelawx informazzjoni li ilhom jitolbu, dik li jgħarrfu lill-awtoritajiet dwarha, bi tpattija għal tnaqqis fil-piena.
Il-kawża ta’ libell kompliet it-Tnejn hekk kif Joseph Muscat qed imexxi kontra l-avukat Christian Grima, istitwita wara li fuq post fuq Facebook Dr. Grima ssuġġerixxa li Muscat kellu sehem fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’Ottubru tal-2022, Muscat kien ċaħad din l-affermazzjoni bil-qawwa kollha, u qal lill-qorti li Grima kien “qabeż il-linja ħamra b’dawn il-kummenti. Il-Qorti rrimarkat li l-akkużati kellhom biss dritt li ma jinkriminawx lilhom infushom fi proċedimenti kriminali, ma jikkawżawx preġudizzju għal dawk Kostituzzjonali.
L-Avukati Bianco u Cuschieri qed isostnu li l-proċeduri dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia ma kienux spiċċaw, minħabba li l-kumpilazzjoni tal-provi kontra Yorgen Fenech reġgħet infetħet minħabba “skorrettezza mill-prosekuzzjoni”. L-avukat Pawlu Lia qed jidher għal Joseph Muscat, l-avukat Carl Grech qed jirrappreżenta lill-Avukat Grima fil-proċeduri.
//= $special ?>