Lokali Turiżmu

L-ammont ta’ turisti li waslu Malta sa Ottubru qabżu it-2.5 miljuni

Ċifri maħruġa mill-NSO juru li fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, it-turisti li waslu Malta ammontaw għal 2,599,155, li huma żieda taʼ 31.6 fil-mija fuq l-istess perijodu fl-2022.

Skont l-NSO, l-għadd sħiħ tal-iljieli f’pajjiżna telaʼ bi 23.3 fil-mija u bʼhekk kważi laħħaq is-17.8-il miljun lejl.

L-infiq sħiħ mit-turisti kien stmat li laħaq €2.4 biljuni, 34.5 fil-mija ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-2022. L-infiq sħiħ ras għal ras telaʼ għal €914 mit-€894 is-sena li għaddiet.

L-istatistika turi li f’Ottubru, l-għadd sħiħ tat-turisti li waslu Malta kien stmat li jlaħħaq it-313,705, li huwa żieda taʼ 31.1 fil-mija meta mqabbel maʼ sena qabel.